L-Akkademja Ta’ Juventus Se Tiftaħ f’Malta f’Settembru
Il-plejers żgħar Maltin dalwaqt se jkollhom l-opportunità li jingħaqdu fl-ewwel Akkademja ta’ Juventus li qatt fetħet f’Malta.
Il-Juventus Academy Malta, li mistennija tiftaħ f’Settembru li ġej għall-bniet u subien ta’ bejn is-6 u l-14-il sena, tiġa tinsab fi stadju avvanzat fejn għadha kemm iffirmat lil Matteo Barresi bħala l-Head Coach li se jkun qed imexxi t-tim tekniku, megħjun minn Alessio Capraro.
Iż-żewġ kowċis, magħżula speċifikament għal dan il-proġett f’Malta, ilhom jagħmlu parti mit-tim ta’ Juventus sa mill-2013 u kienu responsabbli għall-programmi ta’ taħriġ f’ċentri prestiġġjużi oħra fosthom Turin, Londra, Vinovo u Sestiere.
Preżenti f’il fuq minn 50 pajjiż u f’kull kontinent, il-proġett ta’ l-Akkademji ta’ Juventus ifittxu li jippromwovu fl-filosofija, il-metodi u l-valuri ta’ Juventus lit-tfal kollha. L-għan huwa li jiġu żviluppati plejers tal-futbol permezz ta’ viżjoni li tgħaqqad aspetti tekniċi ma’ kwalitajiet mentali, emozzjonali u interpersonali bbażati fuq ħames aspetti ewlenin jiġifieri l-istil ta’ logħob, il-ħila teknika, il-ħila tattika, il-fattur mentali, u l-fattur emozzjonali jew soċjali.
L-akkademja teknika f’Malta se tkun qed toffri sessjonijiet ta’ taħriġ fi gruppi kif ukoll fuq bażi individwali matul il-ġimgħa, is-sena kollha, u se toffri lill-plejers żgħażagħ l-opportunità li jattendu sa tliet sessjonijiet ta’ sagħtejn fil-ġimgħa.
L-Akkademja ta’ Juventus mistennija tkun attiva ħafna b’diversi kampijiet ta’ taħriġ u tournaments għall-akkademji l-oħra ta’ Juventus mid-dinja kollha u mistennija wkoll tospita turisti żgħażagħ li jkunu Malta għal vaganza biex jattendu l-Akkademja, u jagħtu ċ-ċans lill-plejers lokali biex jitħarrġu u jikkompetu ma’ tfal minn pajjiżi oħra. Bl-istess mod, l-akkademja ta’ Juventus Malta se tkun qed tipparteċipa f’tournaments ta’ akkademji oħra barranin.
Eventwalment, il-Juventus Academy Malta se tibni wkoll timijiet ta’ etajiet varji biex jikkompetu fit-tazza tad-dinja tal-Juventus, avveniment annwali li fl-aħħar edizzjoni tagħha fl-2019, rat 85 tim minn 28 pajjiż, b’total ta’ 1,004 plejers. Matul l-avveniment ta’ ġimgħa, jintlagħbu 320 logħba fid-diversi faċilitajiet, inklużi s-semifinali tat-tournament fiċ-Ċentru tat-Taħriġ tal-Juventus f’Continassa u l-finali fl-Allianz Stadium.
Il-Juventus Academy Malta se torganizza wkoll diversi vjaġġi bit-tema ta’ Juventus Experience li jsiru fil-Cantalupa Sports Village fejn iż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal sessjonijiet ta’ taħriġ, logħbiet ta’ ħbiberija, żjarat fil-mużew tal-Juventus u fl-Allianz Stadium.
Il-programm sħiħ tal-Akkademja se jitnieda fl-aħħar ta’ Ġunju.
Ritratt: CD eNews Agency