L-MPE Josianne Cutajar Tenfasizza Li Ċ-Ċertifikat Tal-Vaċċin Irid Jitħaddem Malajr Kullimkien

 L-MPE Josianne Cutajar Tenfasizza Li Ċ-Ċertifikat Tal-Vaċċin Irid Jitħaddem Malajr Kullimkien

Waqt li kienet qed tindirizza l-Forum Amex organizzat minn American Express, il-MPE Josianne Cutajar saħqet fuq l-importanza li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jibda jaħdem malajr kemm jista’ jkun kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell internazzjonali.

“Dan kollu huwa importanti sabiex pajjiżi bħal Malta jkunu jistgħu jirċievu ferm aktar turisti b’mod aktar sigur filwaqt li tkun imħarsa parti kbira u importanti tal-ekonomija”, qalet Dr Cutajar.

Il-membru Parlamentari Ewropew Maltija semmiet kif propju lbieraħ stess, Malta kienet minn tal-ewwel fid-dinja li nidiet iċ-ċertifikat tal-vaċċin, liema ċertifikat se jkun għodda importanti sabiex terġa’ tibda ddur r-rota ekonomika.

Josianne Cutajar, waqt l-indirizz tagħha, saħqet li għas-settur turistiku hemm bżonn strateġija Ewropea b’saħħitha li tilqa’ fiha mhux biss lill-istati membri iżda anke lill-imsieħba l-oħra fil-qasam, inkluż dawk internazzjonali.

“Din l-istrateġija ħolistika Ewropea għandha tiffoka fuq l-irkupru mill-pandemija iżda fl-istess waqt għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-era ambjentali u diġitali li qed ngħixu, ħalli tkun waħda li tolqot l-aspetti varji u importanti” stqarret Dr Cutajar.

L-MPE Cutajar fakkret kemm l-industrija tat-turiżmu hija waħda importanti ħafna u l-pajjiżi membri għandhom jieħdu l-okkażjoni sabiex it-tibdil li se jkollu jsir bilfors, konsegwenza tal-pandemija, jgħin sabiex  jistabilixxi s-sostenibilità tagħha għaż-żmien li ġej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com