Malta Tingħaqad F’Inizjattiva Biex Jinkiser Guinness World Record

 Malta Tingħaqad F’Inizjattiva Biex Jinkiser Guinness World Record

Bħala parti mill-Patt Ewropew Dwar il-Klima, Malta se tieħu sehem fil-Jum tal-Azzjoni nhar id-29 ta’ Ġunju fejn se titnieda mira ambizzjuża li jintlaħqu 141,000 pleġġ favur it-titjib tal-klima. Din il-mira Ewropea għandha tikser rekord mondjali tal-Guinness għall-akbar numru ta’ impenji ta’ dan it-tip fi żmien xahar.

Il-Patt tal-Klima huwa inizzjattiva taċ-ċittadini li qed tgħin lil komunitajiet biex jieħdu azzjoni konkreta favur il-klima u tinbena Ewropa aktar sostenibbli għal kulħadd. L-attività uffiċjali se tkun indirizzata mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans waqt diskussjoni interattiva bejn 9:15 u 11:00 li se tkun imxandra live fuq facebook.com/climatepactdayofactionmalta.

Inawgurat f’Diċembru li għadda, il-Patt tal-Klima jinkoraġġixxi individwi u organizzazzjonijiet biex jieħdu impenn għal azzjoni dwar il-klima, sew bidliet żgħar kif ukoll proġetti kbar. Sal-ewwel sitt xhur, l-inizzjattiva kienet diġà ġibdet l-interess ta’ 1,000 persuna li riedu jservu ta’ ambaxxaturi biex jippromwovu l-idea fil-komunitajiet tagħhom.

Il-proġett iqanqal għarfien dwar fil-mod kif ngħixu biex iwassal għal bidla għall-aħjar kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. Kull ġurnata, individwi differenti jagħmlu mijiet ta’ għażliet dwar kif nipproduċu, nikkunsmaw, nivjaġġaw, jew niffriskaw id-djar tagħhom, u il-Patt dwar il-Klima jiġbor dawn l-impenji ta’ kulħadd flimkien biex joħloq impatt aktar sinjifikanti.

Meta kien qed ifisser il-viżjoni tal-Patt dwar il-Klima, il-Kummissarju Timmermans qal li kulħadd jista’ jagħti daqqa t’id għal proġett aktar sostenibbli. “Il-kriżi fil-klima diġà qed taffettwana fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-aħbar it-tajba hija li aħna lkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwarha, għax il-ġlieda kontra l-bidla tal-klima mhix biss li nibdlu l-leġiżlazzjoni u nagħmlu investimenti.”

Huwa tenna li l-ambaxxaturi tal-proġett qed joffru ispirazzjoni għall-bidliet prattiċi: “Flimkien nistgħu nagħmlu differenza kbira u għalhekk nistieden lil kulħadd biex jipparteċipa f’din l-inizzjattiva.”

L-inizjattiva tifforma parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u għandha l-għan li tagħmel lill-Ewropea l-ewwel kontinent mingħajr emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Permezz ta’ politika tajba u appoġġ għal azzjonijiet tal-individwi, il-membri tal-UE jistgħu jaħdmu flimkien biex inaqqsu l-impatt ħażin fuq il-klima.

L-attivitajiet imtella’ matul il-Jum tal-Azzjoni tal-Patt Dwar il-Klima jistgħu ikunu segwiti hawn: facebook.com/events/496916921634130/?ref=newsfeed.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com