Miexi Ġmielu X-Xogħol Ta’ Restawr Fuq Il-Faċċata Tal-Katidral Tal-Lvant

Il-Ministru Owen Bonnici żar il-proġett ta’ restawr li miexi b’ritmu mgħaġġel fuq il-faċċata prinċipali tal-knisja taż-Żejtun, liema knisja hija magħrufa bħala l-Katidral tal-Lvant.
Fakkar li dan kien mill-iktar proġetti sbieħ li kien mexxa meta kien Ministru responsabbli mill-Kultura fejn dan il-proġett kien jinkludi r-restawr tat-tliet faċċati prinċipali tal-Katidral tal-Lvant fiż-Żejtun.
Saħaq li l-ewwel fażi kien ir-restawr tal-faċċata li tagħti lejn ir-raħal ta’ fuq u b’hekk tneħħa l-iscaffolding li kien ilu hemmhekk kważi seba’ snin jekk mhux iktar. Imbagħad kien imiss ir-restawr tal-faċċata li tagħti lejn ir-raħal t’isfel. Dawn iż-żewġ proġetti saru, ġew iffinanzjati b’għaqal u niżlu tajjeb mal-pubbliku speċjalment maż-Żwieten.
Il-Ministru Owen Bonnici, fi żjara fuq il-post flimkien mas-Sindku Doris Abela, l-Arċipriet Dun Nikol, il-Viċi Sindku Joan Agius u l-Kunsillier inkarigat mill-kultura Sean Chircop faħħar dan il-proġett filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr u d-diversi kuntratturi ta’ din il-ħidma eċċellenti.



