Nikkollaboraw Mal-Ġirien Mediterranji – Stefan Zrinzo Azzopardi

 Nikkollaboraw Mal-Ġirien Mediterranji – Stefan Zrinzo Azzopardi

F’Ateni, il-ġimgħa li għaddiet, ħadt sehem f’laqgħa importanti tal-Ministri għall-Affarijiet Ewropej ta’ dawk l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li huma Mediterranji. Laqgħat ta’ din ix-xorta jsiru fil-forum imsejjaħ EU-MED li jinkludi lil Malta, l-Italja, Franza, Spanja, l-Portugall, il-Greċja u Ċipru.

Huwa importanti ħafna għalina li ma’ dawn il-pajjiżi ġirien tagħna nikkollaboraw ħalli meta mbagħad niddiskutu f’livell ta’ Unjoni Ewropea, jkollna bejnietna konverġenzi fuq diversi temi li nkunu ddiskutejna flimkien.

Il-laqgħa ta’ Ateni serviet biex rajna fejn wasalna fil-ġlieda tagħna lkoll kontra l-Pandemija Covid-19, pandemija li fil-pajjiżi Mediterranji kollha ħalliet diffikultajiet kbar fl-industrija turistika li lkoll kemm aħna għandna dipendenza qawwija fuqha. Bosta pajjiżi issa qed javvanzaw sew f’dak li huwa tilqim tal-popli tagħhom kontra l-pandemija u kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija hekk kif laqagħni l-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis u mill-ewwel feraħ lil pajjiżna għas-suċċess miksub fit-tilqim tal-poplu Malti għall-fatt li rnexxielna li nkunu ta’ l-ewwel li nilħqu l-immunita tal-massa.

Sħaqt fid-diskors tiegħi dwar kemm hemm bżonn li nħarsu lejn il-futur biex bħala Stati Membri tal-Unjoni Ewropea nkunu dejjem imħejjija għal kull kriżi li tista’ tinqala’, bħalma sibna ma wiċċna din il-kriżi tal-pandemija.

Kienu bosta t-temi l-oħra li ddiskutejna flimkien fosthom l-importanza taċ-Ċertifikat tal-Vaċċin biex mill-ġdid ikollna tassew fl-Ewropa kollha, il-moviment ħieles tal-persuni għax b’hekk biss l-ekonomiji tagħna jistgħu jistejqru u jerġgħu jaqbdu t-triq tal-progress.

Iddiskutejna l-problema tal-migrazzjoni fil-Mediterran li lkoll kemm aħna jeħtieġ li naffrontaw flimkien għaliex ilkoll milqutin minn din il-problema u lkoll kemm aħna rridu li ma jintilfux ħajjiet bla bżonn f’dan il-baħar li jdawwarna.

Permezz tal-koperazzjoni ta’ bejnietna f’dan il-forum, flimkien inkunu f’pożizzjoni aktar b’saħħitha meta mmorru quddiem il-Kummissjoni Ewropea bil-pożizzjoni tagħna dwar il-Patt il-ġdid fuq il-Migrazzjoni li għadu kemm tħabbar.

L-impatt tat-tibdil tal-klima fuq ir-reġjun tagħna kien suġġett ieħor li ttrattajna flimkien għaliex huwa evidenti, anke mill-esperti li kellmuna fil-laqgħa, li t-tibdil fil-klima jista’ jġib sitwazzjonijiet li jipperikolaw l-għajxien tal-popli tal-Mediterran. Jista’ jkun li nħabbtu wiċċna ma’ żieda qawwija fil-popolazzjoni ta’ bram perikoluż fil-baħar tagħna u anke minn nixfa qawwija fil-pajjiżi li għandhom il-kosta fil-Mediterran, fatturi li jistgħu jħallu impatt diżastruz fuq l-industrija turistika.

Il-koperazzjoni bejnietna l-ġirien fil-Mediterran hija indispensabbli biex flimkien insibu s-soluzzjonijiet ghall-problemi tagħna u b’hekk inkunu qed inħarsu lejn il-futur b’determinazzjoni li nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, futur aħjar għar-reġjun tagħna kollu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com