Partita Ta’ Benefiċjenza B’Risq Dar Bjorn

 Partita Ta’ Benefiċjenza B’Risq Dar Bjorn

Il-Ħadd filgħodu f’Jum il-Missier ġewwa l-Victor Tedesco Stadium saret partita ta’ benefiċjenza b’risq Dar Bjorn organizzata mill-Veterans Malta Football Association li fiha ħadu sehem it-timijiet ta’ Malta Veterans u Birkirkara F.C. Legends.

Kienet partita missielta u bilanċjata li ntemmet fi draw ta’ 2-2, bl-ewwel taqsima tagħlaq ukoll f’parità ta’ 1-1. Kienu Trevor Cilia li tefa’ lil Birkirkara fil-vantaġġ fil-21 minuta bil-Veterans iġibu d-draw tliet minuti wara permezz ta’ Ivan Woods.

Fit-tieni taqsima l-logħob kompla jkun maqsum sakemm l-iStripes reġgħu marru fil-vantaġġ fit-48 minuta b’gowl ta’ Alan Tabone. Bil-partita tidher destinata li tintemm f’rebħa għat-tim Karkariż, kien Eric Saliba li ppareġġja għal skor finali ta’ 2-2 qabel it-tisfira finali tar-referi Kurt Saliba.

Qabel il-partita Bjorn Formosa rċieva donazzjonijiet miġbura minn fost il-parteċipanti mill-president tal-Veterans Malta Football Association Malcolm Camilleri u l-president il-ġdid ta’ Birkirkara F.C. Michael Valenzia. Malcolm Camilleri preżenta wkoll flokk ffirmat tat-tim nazzjonali Malti ffirmat mill-plejers li lagħbu għas-selezzjoni tal-Malta Veterans.

Saru wkoll kelmtejn tal-okkażjoni mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja l-Onorevoli Julia Farrugia Portelli, il-Viċi-Kap u Kelliem għall-Oppożizzjoni l-Onorevoli David Agius, il-Viċi-President tal-MFA Adrian Casha, u Bjorn Formosa nnifsu.

Fid-diskors tagħha l-Ministru Julia Farrugia Portelli stqarret li din il-partita ta’ benefiċjenza hija okkażjoni li tmiss il-qalb u fissret kemm il-logħba tal-futbol iġġib magħha għaqda sabiex jintbagħat messaġġ b’saħħtu ta’ inklużjoni. Hija żiedet tgħid li meta l-ħajja toffrilek sfidi kbar trid tibqa’ tissielet u f’dan is-sens il-futbol jibgħat sinjal kontinwu.

Min-naħa tiegħu l-Kelliem għall-Oppożizzjoni David Agius fisser il-ġurnata tal-lum bħala opportunità pożittiva li fiha l-isports, l-inklużjoni u l-familja huma minsuġa flimkien. Huwa aċċenna li l-attività sabiħa tal-lum tiġborna flimkien u fl-istess ħin nagħtu ftit mill-enerġija tagħna sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ ħaddieħor.

Il-Viċi-President tal-MFA Adrian Casha fisser l-okkażjoni tal-lum bħala turija ta’ solidarjetà ma’ persuni li jenħtieġu għajnuna finanzjarja sabiex huma wkoll ikunu inklużi fis-soċjetà u jkunu jistgħu jikkomunikaw u jgħixu ħajja komda bħal kull ċittadin ieħor. Huwa ddeskriva lil Bjorn Formosa bħala role model li fih tispikka d-determinazzjoni li jwettaq il-ħolm tiegħu.

Fl-intervent tiegħu Bjorn Formosa wera l-apprezzament tiegħu għas-sehem tal-plejers u r-referis fl-attività tal-lum. Huwa rringrazzja lil dawk preżenti għas-sostenn kontinwu u l-kuraġġ sabiex it-tieni Dar Bjorn titlesta wkoll u tkun tista’ tilqa’ persuni fiha.

 

Ritratt: Veterans Malta Football Association

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com