Qabda Rekord Ta’ 740kg Kokaina B’Valur Ta’ €100 Miljun
Id-Dwana Maltija għamlet qabda rekord ta’ droga wara li rnexxielha taqbad kważi tliet kwarti ta’ tunnellata droga kokaina mill-Port Ħieles. Id-droga kienet f’kontejner tal-40 pied li tniżżel Malta fi triqtu mill-Ewkador għas-Slovenja.
Fi stqarrija, id-dipartiment tad-Dwana qal li l-valur fit-triq tad-droga hu stmat bejn id-90 u l-100 miljun ewro.
Fil-kontejner kien hemm kaxxi tal-banana, bl-uffiċjali tad-Dwana ġihom suspett wara li rriżultaw xi diskrepanzi waqt il-proċess tal-iscanning tal-kontejner. Mill-kontejner ġew elevati 740 pakkett b’sustanza bajda moħbija f’37 kaxxa.
F’analiżi tal-kontenut ġie kkonfermat li kull pakkett kien fih kilo droga kokaina f’livell għoli ta’ purità.
Bis-sejba ġew infurmati l-Pulizija li qed ikomplu bl-istħarriġ. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi inkjesta.