Raġel Ta’ 54 Sena Arrestat B’rabta Ma’ ‘Mugging’ Fuq Anzjan

 Raġel Ta’ 54 Sena Arrestat B’rabta Ma’ ‘Mugging’ Fuq Anzjan

Raġel ta’ 54 sena ġie arrestat mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Ħamrun, b’rabta ma’ każ ta’ aggressjoni u serqa fuq anzjan f’Santa Venera.

Il-każ seħħ fis-7 ta’ Mejju li għadda, meta għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li f’Misraħ il-Barrieri, Santa Venera, hemm anzjan mixħut fl-art.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun sabu raġel ta’ 75 sena b’feriti f’rasu u b’hekk intalbet għall-assistenza medika.

Jirriżulta li waqt li kien miexi, xi ħadd ħebb għalih, waqqgħu fl-art u seraqlu l-kartiera li fiha kien hemm xi flus.

Wara jiem ta’ investigazzjonijiet u analiżi ta’ numru ta’ filmati minn kameras tassigurtà, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat ħalliel u ġie arrestat fl-aħħar sigħat.

Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, intqal li r-raġel qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.

Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum għal xi s-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar  quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com