Robert Schuman Fit-Triq Biex Isir Qaddis
Stqarrija mill-Vatikan ikkonfermat li l-Papa Frangisku approva digriet biex Robert Schuman isir Venerabbli u għalhekk tibda t-triq sabiex isir Qaddis.
Robert Schuman huwa statista tas-seklu 20 u wieħed mill-promoturi u fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Fl-1950 Schuman ippropona komunità supranazzjonali għall-faħam u l-azzar li evolviet biex saret il-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1957 u l-Unjoni Ewropea fl-1993. Schuman serva bħala Prim Ministru Franċiż u Ministru għall-Affarijiet Barranin fiż-żmien ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ukoll kellu rwol fit-twaqqif tan-NATO. Miet fl-1963 u baqa’ mfakkar bħala missier l-Unjoni Ewropea.
Matul is-snin Schuman ġie mfaħħar minn bosta Papiet għall-irwol li ħa biex jipprova jkisser iċ-ċiklu tal-gwerer fl-Ewropa .
Issa huwa f’idejn il-Vatikan sabiex ikomplu l-istudji biex miraklu wieħed jiġi attribwit lil Schuman biex ikun beatifikat u mbagħad ieħor biex isir qaddis.
Ritratt Prinċipali: Catholic News Service
Ritratt: Multimedia Centre European Parliament