“Se Nuru Kemm Aħna Stat Ewropew B’Saħħtu U Mill-Isfida Noħolqu Ċertifikat T’Eċċellenza” – Il-PM

 “Se Nuru Kemm Aħna Stat Ewropew B’Saħħtu U Mill-Isfida Noħolqu Ċertifikat T’Eċċellenza” – Il-PM

Il-PM Robert Abela f’intervista l-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio minn Kelly Peplow tenna li kellu tmiem il-ġimgħa importanti fl-isfera Ewropeja fejn fuq l-aġenda kien hemm suġġetti importanti fosthom l-immigrazzjoni u s-soluzzjonijiet tagħha dwar kif trid tiġi indirizzata mill-ixtut tat-tluq. Tenna li s-soluzzjoni veru u propja tibqa’ dik li l-poplu Libjan ikollu l-assistenza meħtieġa biex iwaqqaf l-‘in flows’. Spjega kif il-messaġġ kien li l-poplu Libjan ikollu t-tmexxija propja ta’ pajjiżu. Tenna li mal-Prim Ministru Libjan, il-Gvern Malti sab gvern li tista’ tiddibattita miegħu.

Bla dubju, kien hemm ukoll il-pandemija bħala suġġett primarju li ġie diskuss fosthom is-saħħa, l-impjiegi, l-ekonomija u l-irkupru. Qal kif kien hemm paragun bejn il-kriżi ta’ 10 snin ilu, fejn anke f’Malta din inħasset; politika ta’ awtserità 10 snin versus politika għan-nies li qed isseħħ illum. “Il-prijorità tajnieha lill-poplu tagħna għaliex ridna ninvestu fin-nies”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Futur…

Hawnhekk il-PM Abela semma li l-fatt li kien hemm in-nies fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern, issa qed juri li l-prospetti tal-ekonomija huma tajbin u minnhom se jgawdu huma. “Dan jimla b’kuraġġ lin-negozji lokali għaliex l-irkupru ekonomiku se jkun wieħed b’saħħtu u rapidu”, tenna l-PM. Qal li dan se jiġri, għaliex il-qagħad kien miżmum milli jerfa’ rasu fejn il-qagħad f’Malta huwa inqas minn qabel bdiet il-pandemija.

Minn Brussell, il-PM mar Berlin fejn f’laqgħa fi ħdan il-Partit Soċjalista Ewropew (PES) it-tema prinċipali tad-diskussjoni kienet ‘ir-rispett lejn in-nies’. Il-PM Abela qal dan huwa l-istess ħsieb ta’ Malta; investiment fin-nies fejn kulħadd għandu d-dritt javvanza bl-istess mod fil-ħajja.

Issemmew ukoll id-drittijiet ċivili li kienet tema b’saħħitha fil-Kunsill Ewropew u anke fil-laqgħa mal-PES. Hawnhekk issemmiet il-kwistjoni tal-Ungerija fejn twassal messaġġ imħawwad bejn temi ta’ persuni LGBTIQ ma’ pedofelija.

Il-Pandemija minn issa ‘l quddiem

“Il-messaġġ irid jibqa’ ta’ kawtela imma hemm sens ta’ ottimiżmu, tenna l-PM. Semma kif din il-ġimgħa lħaqna aktar miri għoljin fejn anke 70% tal-adulti f’pajjiżna huma ‘fully vaccinated’.

Tenna kif dan huwa Gvern li juri l-ħila li kapaċi jmexxi. Qal ukoll li se jkomplu jitnaqqsu r-restrizzjonijiet iżda b’kawtela kbira għaliex kif qed naraw, bosta pajjiżi qed jerġgħu jreġġgħu lura ċerti miżuri.

“Aħjar passi żgħar u dejjem ‘il quddiem, milli mmorru lura”, kompla l-PM filwaqt li saħaq, li f’każ ta’ mumenti bħal dawn, qatt ma tkun taf x’hemm wara l-pandemija.

Semma wkoll l-għotja tat-tielet doża, lejn Settembru jew Ottubru; liema għotja dejjem tkun f’idejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa mhux biss lokali imma b’mod internazzjonali u x-xjenza li tara xi jkun il-pass li jmiss.

Il-Pjan ta’ rkupru

Għada se jitressaq il-pjan ta’ rkupru quddiem il-Kabinett, imbagħad jimxi quddiem l-imsieħba soċjali u anke quddiem l-isfera Ewropeja fejn hemm is-somma ta’ €320 miljun; liema ammont huwa d-doppju ta’ dak li Gvern Nazzjonalista nnegozzja fl-2012.

“Issa fil-ġimgħat li ġejjin se naraw il-frott ta’ dan il-ftehim li se jissarraf fi proġetti f’Malta u Għawdex li jridu jaqduna fil-viżjoni aktar fit-tul li għandna għal pajjiżna, fosthom fl-edukazzjoni, it-trasport u oħrajn”, qal il-PM, liema proġetti se joħolqu aktar impjiegi.

L-FATF

“Sfida oħra li se naffrontawha bis-saħħa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi”, qal il-PM. Qal li dan ma jaqtax qalb il-Gvern iżda jimlieh b’kuraġġ fejn il-wegħda tiegħu dejjem se tibqa’ l-onestà man-nies. Qal li jiddispjaċieh li kien hemm min din il-kwistjoni taha żvolta partiġġjana.

Semma kif fl-aħħar tal-2019 ir-rapport tal-Moneyval li kien jgħid li pajjiżna ried jagħmel 58 ‘action plan’, li minnhom ġew implimentati kważi kollha; 55 u 3 punti li qegħdin jistennew li jkunu implimentati wkoll. Qal li l-Moneyval tagħtna ċertifikat ta’ eċċellenza. Dawn it-3 punti ġew imħabbra wkoll mill-FATF li rridu naħdmu fuqhom b’serjetà, kompla jispjega l-PM.

Qal li “Int trid tkun kommess li taħdem ħalli b’mod efikaċi tasal għal dak iċ-ċertifikat li trid tagħti lill-FATF.” Qal li ddejqu l-kwistjoni ta’ min jipprova jbeżża’ n-negozji ta’ pajjiżna, speċjalment dawk żgħar. Anzi, qal li “Ser jissaħħu l-ħaddiema, in-negozji u se jkunu inċnetivati fejn ser irridu nkomplu nsaħħu l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżna, u din l-isfida tkun tfisser, li din it-talba mill-FATF tkun solvuta fi żmien qasir.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com