Strateġiji Nazzjonali Dwar Persuni B’Diżabilità Preżentati Lill-President Tar-Repubblika
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli dalgħodu ppreżentat lill-President ta’ Malta George Vella d-dokumenti ta’ żewġ strateġiji nazzjonali dwar persuni b’diżabilità għas-snin 2021-2030, l-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu u l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Il-preżentazzjoni tad-dokumenti saret waqt żjara ta’ kortesija li l-Ministru Farrugia Portelli għamlet lill-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li fiż-żewġ strateġiji hemm il-parti importanti tal-konsultazzjoni pubblika. “Fil-każ tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu l-istadju tal-konsultazzjoni pubblika kien tnieda f’Marzu li għadda u wara li kien ikkunsidrat il-kontribut qawwi li kien hemm ħejjejna d-dokument finali. Fir-rigward tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Dritijiet ta’ Persuni b’Diżabilità l-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika tnieda aktar kmieni dan ix-xahar u jagħlaq fis-7 ta’ Lulju li ġej. Ninsabu konvinti li anke fir-rigward ta’ din l-istrateġija se jkollna rispons tajjeb ħafna u li jkun ta’ kontribut kbir fit-tħejjija tad-dokument finali.”
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet l-istrateġija nazzjonali dwar l-awtiżmu bħala strateġija komprensiva. Fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità l-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-għan ewlieni ta’ din l-istrateġija huwa li tipprovdi pjan direzzjonali għas-settur Malti tad-diżabilità matul is-snin li ġejjin li jwassal sas-sena 2030, is-sena identifikata għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.
Il-President tkellem fit-tul fuq il-bżonn ta’ inklużjoni sħiħa, speċjalment fil-qasam edukattiv u fuq li, bħala soċjetà, ninvestu aktar riżorsi fil-qasam tad-diżabilità. Hu u l-Ministru Farrugia Portelli qablu li l-koperazzjoni interministerjali u l-implimentazzjoni ta’ regoli jew miżuri favur d-drittijiet ta’ nies b’diżabilità huma pilastri importanti biex is-soċjetà tagħna tkun aktar ġusta.
Tul iż-żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta, il-Ministru Farrugia Portelli kienet akkumpanjata miċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, Alistair de Gaetano, mill-Kap tas-Segretarjat, Reuben Sciberras, u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Matthew Vella.
Ritratt: OPR