Titħassar ‘Natalis Notabilis’ Għat-Tieni Darba

 Titħassar ‘Natalis Notabilis’ Għat-Tieni Darba

L-attività maġika tal-Milied li ssir fit-toroq tar-Rabat tal-Imdina bl-isem ta’ Natalis Notabilis, ġiet imħassra għat-tieni sena konsekuttiva.

L-organizzaturi ħabbru dan fil-paġna uffiċċjali tal-avveniment wara li bosta kienu dawk li staqsewhom dwar din l-attività; liema attività tkun trid preparamenti kbar minn ħafna qabel.

Tennew li Natalis Notabilis ġiet imħassra minħabba inċertezzi tas-sitwazzjoni preżenti wara li evalwaw ukoll iż-żmien li hemm sabiex din tkun organizzata.

Saħqu, li din l-azzjoni hija ta’ dieqa għalihom, għall-artisti u l-bejjiegħa, l-isponsors u bla dubju, għall-eluf ta’ nies li jżuruha fil-ġimgħa sħiħa li tkun organizzata,

Qalu wkoll, li qed iħarsu ‘l quddiem għal dak iż-żmien meta l-awtoritajiet jiddeċiedu li jirrilaxxaw il-miżuri biex attivitajiet tal-massa jkunu jistgħu jsiru biex b’hekk, dan l-avveniment spettakolari tal-Milied ikun jista’ jsir  bil-kbir u fuq livell akbar, bħalma qatt sar sa issa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com