Żvilupp Importanti Għal Pazjenti Bid-Dimensja – Approvata L-Ewwel Kura F’20 Sena
Il-Food and Drug Administration tal-Istati Uniti, l-FDA, approvat għall-ewwel darba f’20 sena kura għall-marda tal-Alzheimer’s li tolqot madwar 30 miljun ruħ madwar id-dinja.
Il-kura Aducanumab, immanifattura mill-kumpanija Biogen, ġiet approvata wara fażi ta’ esperimentazzjoni twila.
Fi kliem l-FDA, l-Aducanumab jindirizza l-għeruq tal-marda u mhux itaffi s-sintomi bħal bosta rimedji oħra li hawn fis-suq.
L-Alzheimer hija marda li tibda minn ħsara fiċ-ċelloli tal-moħħ. Fi ftit kliem, peress li jintfew ċelloli li jieħdu ħsieb il-memorja, din twassal għad-dimensja.
Ċifri uffiċjali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa juru li l-maġġoranza tal-persuni li jbatu b’din il-marda, huma persuni ta’ aktar minn 65 sena. F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-dimensja. Hu stmat, li sal-2050 dawn se jitilgħu għal 13,000 ruħ.