“100 Idea Li Jinbtu Mill-Prinċipji Ta’ Dawk Li Ġew Qabilna …” – Il-Partit Laburista

 “100 Idea Li Jinbtu Mill-Prinċipji Ta’ Dawk Li Ġew Qabilna …” – Il-Partit Laburista

“L-akbar ġieh li nistgħu nagħtu lil missirijietna f’dan il-partit, hu li filwaqt li nibqgħu leali lejn dak li twaqqafna għalih, ikollna l-istess għatx għar-riforma li kellhom huma.”

Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li dan tennieh il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela dwar il-kunċett tal-100 idea li qed ifassal il-futur ta’ pajjiżna. Kunċett miftuħ li jdur ma’ 10 fori politiċi li jkopru l-oqsma kollha li jaffetwaw lil pajjiżna u l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma l-għanijiet sbieħ tal-Partit Laburista, l-għanijiet li dan il-Partit irid jibqa’ jgħix għalihom.

“Illum nitkellmu fuq kemm u kif ser ngħinu lil dawk l-anqas ixxurtjati u żvantaġġati. Ma nitkellmux fuq jekk għandux ikun hemm servizzi soċjali jew le. Illum nitkellmu fuq kemm ser inżidu l-pensjoni, mhux jekk għandux ikun hemm pensjoni jew le. U llum ukoll ma għadniex nitkellmu fuq jekk persuni li jħobbu lil xulxin, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom, għandhomx jissiġillaw l-imħabba tagħhom fiż-żwieġ. Imxejna ‘l quddiem u dawn l-affarijiet saru parti normali fil-ħajja tal-kommunitajiet tagħna.”

Il-Prim Ministru aċċena wkoll għall-fatt kif għal ħafna snin qabel il-Partit Laburista reġa’ lura fil-Gvern, in-nies kienu rrassenjaw ruħhom li l-istat ma jistax jgħin lil dawk li ma jaffordjawx li jkollhom darhom. Għall-kuntrarju, “illum għandna l-ikbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali mis-snin 70. It-twemmin li welldu ta’ qabilna erġajna qed ngħixuh llum bl-għajnuna li qed nagħtu lil ħafna familji ġodda u koppji żgħażagħ li ngħinuhom biex isiru sidien ta’ darhom. B’ inizjattivi ġodda, maħsuba għal lum, iżda bl-istess għan li ngħinuhom biex ikabbru u jrabbu l-familja tagħhom, u ngħinuhom f’dawk il-mumenti fejn l-aktar ikollhom bżonn.”

Robert Abela spjega wkoll kif dan il-kunċett iwassal għall-aktar tliet prinċipji importanti li sawwru l-istorja tal-partit fl-aħħar 100 sena u li huma kruċjali għas-snin li ġejjin.

“L-ewwel nett, il-Partit Laburista kien u ser jibqa’ l-partit tax-xogħol – ta’ min jaħdem u min iħaddem. Il-formola tagħna ħolqot il-ġid u l-prosperità għax kienet kapaċi tibni alleanza bejn il-ħaddiema u min iħaddem, bejn min investa l-kapital u l-ħaddiema li ta’ kuljum jirsistu biex il-post tax-xogħol tagħhom jimxi aktar ‘il quddiem.

It-tieni prinċipju huwa marbut mal-għaqal – l-għaqal li naħdmu bih biex meta jiġu d-daqqiet, inkunu kapaċi nilqgħu għalihom u nibqgħu għaddejin. Il-Partit Laburista qatt ma għażel l-awsterità. Il-Partit Laburista qatt ma għakkes lill-ħaddiem biex jagħmel tajjeb għall-fallimenti tas-swieq. Il-Partit Laburista dejjem fehem li l-ħaddiem ma jistax jiġi kkastigat f’dak il-mument fejn il-pajjiż għandu l-aktar bżonnu.

It-tielet prinċipju huwa t-tqassim tal-ġid: għalxejn noħolqu l-ġid jekk ma nkunux kapaċi nassiguraw li dan il-ġid qed jilħaq lil kulħadd. Għalxejn nieħdu gost bl-istatistika jekk it-tkabbir ma jilħaqx lil kulħadd, u lil dawk l-aktar bi dħul baxx.”

Il-Prim Ministru saħaq kif permezz ta’ dan il-proċess qed inġeddu l-ħolma tal-poplu Malti u Għawdxi biex b’hekk inkunu l-partit tal-progress u tal-bidla.

“Meta f’Jannar tal-2020 inħtart mexxej tal-Partit Laburista kien hemm min qalli: Robert hemm affarijiet li setgħu saru aħjar u dawk irridu nibdluhom. Imma mbagħad iċċaqlaqx wisq l-ilmijiet għax l-Oppożizzjoni dgħajfa u m’għandiex għalfejn nieħdu riskji żejda. It-tweġiba tiegħi kienet ċara kristall: Kull meta l-Laburista beża mill-bidla, tilef. U jien qed hawn biex dan il-partit jibqa’ jirbaħ ħalli jkun jista’ jtejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Meta partit politiku jħares biss ‘il ġewwa, jew iħaddem mentalità ta’ fortizza, jinqata’ mill-aspirazzjonijiet tan-nies.”

Robert Abela tkellem ukoll dwar il-prijoritajiet li rridu nagħtu lill-ambjent naturali u ambjent urban li ngħixu fih,lir-riżorsi tagħna, il-governanza tajba filwaqt li nkunu ambizzjużi f’dinja li qed tinbidel kuljum u nkunu nafu fejn irridu nieħdu dan il-pajjiż, mhux biss lil Malta iżda wkoll lil Għawdex.

“Il-Partit Laburista huwa l-partit tad-deċiżjonijiet. Tad-deċiżjonijiet li jtejbu l-ħajja tan-nies u l-komunità, iżda wkoll ta’ dawk id-deċiżjonijiet li jaffetwaw persuna waħda, jew familja waħda, li l-futur tagħhom ikun jiddependi minn dawn id-deċiżjonijiet. Il-100 Idea huma kontinwazzjoni ta’ proċess ta’ tisħiħ,  tisħiħ li ser iwassalna għal aktar kisbiet, mhux biss għall-Partit Laburista, iżda kisbiet fl-interess ta’ pajjiżna, in-negozji tagħna u l-familji tagħna.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com