11-il Priġunier Biddlu Maħżen Mingħajr Użu Fil-Kalkara F’Librerija Pubblika
11-il priġunier biddlu maħżen mingħajr użu fil-Kalkara f’librerija pubblika għall-użu tar-residenti tal-lokal.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett Larkin Bonnici mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qal li l-priġunieri ħadmu flimkien mal-ħaddiema tal-Kunsill biex għamlu din il-librerija. Spjega li dan il-proġett hu parti mill-ħidma tal-Aġenzija biex aktar ħabsin ikollhom opportunità ta’ xogħol fil-komunità waqt li jiskontaw is-sentenza.
Ix-xogħol f’din il-librerija kien jinkludi xogħol fl-għamara kif ukoll xogħol ta’ tikħil, xogħol ta’ żebgħa u ta’ tindif u xogħol ta’ tqegħid ta’ bibien.
Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, qal li l-librerija se tkattar in-namur lejn il-qari speċjalment fost it-tfal tal-lokalità. Tenna jgħid li “apparti l-librerija inawgurajna wkoll żona ġdida għall-qari fuq barra ta’ din l-istess librerija. Minn post mitluq u minsi għal post edukattiv u rikreattiv.”
Fl-inawgurazzjoni tal-librerija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li bix-xogħol li sar il-priġunieri qed jagħtu xi ħaġa lura lill-istess komunità li naqsu b’għemilhom. Saħaq li “dawn il-persuni kienu jiġu f’dan il-post ta’ kuljum u jaħdmu sabiex jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità iżda fl-istess ħin qegħdin ninvestu fl-edukazzjoni speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ tal-Kalkara.”
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, José Herrera qal li bis-sehem tal-Malta Libraries kull sena joħorġu skemi biex il-Kunsilli Lokali jixtru iktar kotba għal-libreriji fil-lokalitajiet.