5 Snin Ta’ Ħidma Soċjali Mill-Fondazzjoni Dar Il-Hena
Sħubija bejn il-gvern, Caritas, u l-Fondazzjoni Alf Mizzi għadha qed taħsad il-frott wara ħames snin ta’ ħidma soċjali mill-Fondazzjoni Dar il-Hena, li tmexxi tliet residenzi: Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores u r-Residenza Reach, li jservu ta’ xelters temporanji u li jgħinu persuni jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà.
Hekk kif il-Fondazzjoni qed tiċċelebra l-ħames sena ta’ ħidma tagħha fil-komunità, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon żar Dar Papa Franġisku.
Filwaqt li l-Ministru Michael Falzon irringrazzja lill-amministrazzjoni tal-proġett li kien ta’ sostenn għal bosta persuni, irringrazzjahom ukoll tax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum ma’ persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna. Huwa żar Dar Papa Franġisku fil-ħin li l-iktar ikun hemm persuni hekk kif id-dar tipprovdi ikel nutrittiv kuljum. Semma wkoll li din is-sena, il-gvern alloka s-somma ta’ €835,000 biex jiggarantixxi aktar ħidma soċjali permezz ta’ dawn ir-residenzi.
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Fondazzjoni Dar il-Hena Anthony Girard esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod li bih f’dawn l-aħħar ħames snin osserva numru ta’ stejjer ta’ suċċess fost persuni li bbenefikaw mill-istess għajnuna.
Qal ukoll li numru ta’ residenti li temmew il-programm tar-Residenza Reach kisbu saħansitra Diploma mill-Università ta’ Malta, xtraw propjetà ġdida, jew kisbu impjieg permanenti. “Dan kollu jimlina b’determinazzjoni biex inkomplu b’din l-isħubija li qed tħalli tant frott”, temm jgħid is-Sur Anthony Girard.
Ritratti: DOI