4 Pitturi Ġodda Għall-Knisja Ta’ San Pawl Il-Baħar
Erba’ pitturi ġodda għall-knisja ta’ San Pawl il-Baħar, xogħol oriġinali tal-Artist Għawdxi Chev. Adonai Camilleri Cauchi ġew inawgurati lbieraħ waqt il-Quddiesa ta’ Lejliet il-Festa mill-Kappillan Rev. Joseph Mamo OFM Conv.
Il-pitturi li juru figuri dominanti ta’ Aaron, Ir-Re David, Ġwanni l-Battista u San Pawl ġew ikkummissjonati bħala Katekiżmu li jirrappreżenta s-saċerdozju, tifħir lill-Mulej, magħmudija u l-kelma ta’ Alla rispettivament. Dawn il-pitturi b’figuri bibliċi se jkunu mżejna b’gwarniċ tal-injam magħmul minn Charlie Zarb, b’skultura ta’ Clive Busuttil u ndurati bid-deheb 24 karat mill-induratur Jason Farrugia, fuq id-disinji u d-direzzjonijiet tal-artist innifsu, Adonai Camilleri Cauchi.
Dawn ix-xogħlijiet artistiċi ta’ Adonai ser jkomplu jsebbħu lil din il-knisja kif ukoll jingħaqdu ma’ pitturi oħra li ġa hemm fil-knisja fosthom ta’ Guzeppe Cali u Paul Camilleri Cauchi.