“Kulma Tgħallimna Dwar Il-Vizzji Hu Żbaljat – Irridu Nbiddlu L-Istrateġija” – Cyrus Engerer

 “Kulma Tgħallimna Dwar Il-Vizzji Hu Żbaljat – Irridu Nbiddlu L-Istrateġija” – Cyrus Engerer

“Dak kollu li konna nafu fuq id-dipendenza mid-droga hu żbaljat u li sempliċiment nħeġġu liż-żgħażagħ jgħidu “le għad-droga” mhux strateġija effettiva. Irridu nindirizzaw il-vizzji mil-lat uman, nitrattaw lin-nies b’dinjità u nimxu lejn prattiċi li jnaqqsu l-ħsara. Għandna bżonn politika aħjst. Iċ-ċittadini jixirqilhom aħjar.”

Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer f’konferenza li organizza flimkien mal-Platform for Better Preventitve Healthcare. Il-konferenza li fiha pparteċipaw numru ta’ akademiċi, politiċi, għaqdiet u think-tanks iddiskutiet il-politika Ewropea dwar id-droga u kif l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jintroduċu leġislazzjoni fuq id-dipendenzi li tkun ibbażżata fuq ix-xjenza.

“Mill-mument li l-komunità internazzjonali bdiet il-“ġlieda kontra d-droga” fis-sebgħinijiet, l-evidenza xjentifika bdiet turi li t-triq li nqabdet ma kenitx qiegħdha tħalli r-riżultati mixtieqa u li l-politika ristrettiva u kampanji li sempliċiment iħeġġu li tgħid le, kienu qegħdin jagħmlu iktar ħsara milli ġid u ma ndirizzawx il-ħtiġiet li kellha s-soċjetà.  Approċċ li ma jikkunsidrax perspettiva psiko-soċjali tal-persuna li qiegħdha taffaċċja d-dipendenza jistgħa jkun ta’ ħsara u saħansitra jwassal għall-mewt. Ix-xjenza fuq din it-tema hi ċara – il-bniedem għandu bżonn iktar għarfien u informazzjoni u għandna bżonn li nindirizzaw id-dipendenzi b’mod empatetiku u li ma jiġġudikax lil dak li jkun biex niksbu l-aqwa riżultati”, spjega Engerer waqt id-diskors tiegħu.

“Irridu mmorru ‘l hinn mill-konvinzjonijiet li jista’ jkollna bbażati fuq ideoloġiji u morali u nimxu lejn approċċ li hu iktar ibbażat fuq ix-xjenzi b’iktar empatija”, ikkonkluda Engerer.

Il-konferenza ddiskutit l-isfidi kontemporanji fil-qasam tas-saħħa li l-Ewropa qiegħdha taffaċċja, fosthom fuq id-dipendenzi fis-soċjetà u li għandhom bżonn soluzzjonijiet ippruvati li huma applikabli madwar l-Ewropa kollha.  Id-diskussjoni ħarset lejn is-soluzzjonijiet li jistgħu jinsabu f’ħidma konġunta bejn il-ħaddiema f’dan il-qasam, l-aħjar metodi ppruvati, l-esperjenza u x-xjenza b’kellima speċjalizzati mill-Institute for Rational Addictions Policy u l-European Harm Reduction Network.

Waqt id-diskors tiegħu, l-eks kordinatur tal-ġlieda kontra d-droga fir-Reppublika Ċeka, Jindrich Voboril, qal li bi strateġija tajba, l-Unjoni Ewropea tista’ tkun il-mexxej globali b’politika ta’ harm reduction. Qal li dan jista’ jiġri biss jekk nimmobilizzaw rwieħna bħala Stati Membri u npoġġu d-drittijiet tal-bniedem l-ewwel. Fid-diskors tiegħu Voboril ħeġġeġ lill-akademiċi, lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini biex jingħaqdu ma’ sejħa Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ politika bbażata fuq ix-xjenzi fil-kura preventiva, biex inħeġġu l-politiċi jimxu lejn politika ta’ harm reduction.

Dawk interessati jistgħu jiffirmaw is-sejħa fuq:https://www.preventivehealthcare.eu/science-based-policy-call

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com