“Aħna Lesti B’Umiltà Nadattaw U Ninbidlu Biex Nilqgħu Fostna Lil Kulħadd” – Bernard Grech
Ilbieraħ f’Għawdex il-Partit Nazzjonalista ta’ bidu għal Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Nemmnu Fik, Fiduċja f’Malta’. Dan il-Kunsill Ġenerali huwa mifrux fuq tmint’ijiem. F’diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid ifassal paġna ġdida ta’ politika ta’ umiltà, serjetà u li tibni kollox fuq il-kapaċitajiet u l-potenzjal tal-Maltin. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem għolla isem Malta ‘l fuq fuq livell Ewropew u livell globali.
Dwar il-pandemija tal-COVID-19 Bernard Grech qal li minħabba deċiżjonijiet tal-Gvern pajjiżna baqa’ bl-istess mekkaniżmi li s-sena l-oħra tellfu staġun tas-sajf għal ħafna ristoranti u lukandi u ġabu fuq pajjiżna eluf ta’ każijiet.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-gżira Għawdxija u x-xogħol siewi li sar mill-cluster politiku dwar Għawdex. Huwa qal li dan huwa l-uniku vera mod kif ikun assigurat li Għawdex ikun tassew prijorità b’enfasi partikolari tingħata lis-settur tas-saħħa u dak ambjentali. Semma fost oħrajn li se jara li s-servizz ta’ ħelikopter ikun dirett mill-isptar t’Għawdex għal Mater Dei.
Il-Kap Nazzjonalista qal li fid-disa’ xhur kemm ilu kap sema’ u analizza biex issa l-Partit Nazzjonalista lest li jimxi għall-azzjoni.
Bernard Grech kompla jisħaq li “Possibbli li nsibu t-triq tar-raġuni fejn sa issa dejjem rajna nuqqas ta’ raġuni. Possibbli per eżempju li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jibqgħux tema ta’ kull elezzjoni bħal ma ser iġiegħlna tkun l-ineffiċjenza u l-qerq tal-gvern preżenti. Iva, Possibbli li nsibu bilanċ ferm aktar bis-sens bejn ambjent u żvilupp, fejn l-ambjent naturali jkun il-patrimonju ta’ kull Malti li jipproteġih bħala kuraturi tal-ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li għadhom ma twieldux. Fuq kollox, Iva, Possibbli, li minkejja dak li nisimgħu mis-surveys, ikollna Partit Nazzjonalista li jissaħħaħ tant li jista’ jimmira jiggverna, mis-sena d-dieħla.“
Il-Kap tal-PN f’għeluq id-diskors tiegħu ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom lil Malta għal qalbhom, biex jingħaqdu mal-Parti Nazzjonalista kontra l-arroganza tal-poter mill-Gvern Laburista.
Ritratt: Net News