“Aħna Partit Tan-Nies, Nagħmlu L-Politika Għan-nies U Rridu Nkunu Man-Nies” – Il-PM

 “Aħna Partit Tan-Nies, Nagħmlu L-Politika Għan-nies U Rridu Nkunu Man-Nies” – Il-PM

Din kienet konferenza li ma ġietx minn imkien imma li nbniet fuq l-ideat tan-nies bil-proġett tal-mitt idea li tant kelli ċans nitkellem fuqu riċentament.  Proġett li jkompli jagħtina skop fejn nitkellmu fuq il-futur, fuq dak li rridu għal pajjiżna. Fuq kollox reġgħet kienet konferenza li wriet tim magħqud. Fejn l-element diġa’ stabbilit fil-Partit Laburista jingħaqad ma’ elementi ġodda li qed jingħaqdu magħna għall-ewwel darba biex nibqgħu mmexxu lil dan il-pajjiż ‘il quddiem.”

Dan kien kliem il-Prim Ministru, Robert Abela dwar il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista filwaqt li rringrazzja lit-tim organizzattiv u politiku li sar biex l-istess konferenza kienet suċċess.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif fl-ewwel ġimgħat ta’ tmexxija tiegħu, bil-pandemija l-esperti prevedew li jintilfu madwar 50,000 impjieg. Qal li f’nofs Lulju kien hawn anqas minn 1,600 fuq ir-reġistru li huwa l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw għall-impjieg fl-istorja u dan ma ġiex mix-xejn. Tenna li ġie mill-inizjattivi li ħa l-Gvern mibnija flimkien mal-imsieħba soċjali.

Dwar ir-rapport internazzjonali tal-IMF, Robert Abela esprima s-sofisfazzjon li ħaddieħor huwa tant ottimist dwar Malta, tant li din is-sena qed ibassru rata ta’ tkabbir li hija darba u nofs aktar dik li saħansitra bassar il-Gvern Malti.

“Ikolli nfakkar li Bernard Grech kien ġie fil-Parlament u qalilna li dak li konna qed nagħblu tberbiq ta’ flus. Li l-investiment li qed nagħmlu fin-nies tberbiq ta’ flus. Jien ngħid dan hu investiment fil-kwalità tal-għajxien tal-familji. Bħalma hu investiment fil-familji, fis-saħħa u fl-ekonomija l-vaċċin”, tenna l-PM.

Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal, li l-IMF faħħret il-programm ta’ vaċċinazzjoni u nnutat kif diġà teżisti l-kunfidenza fost il-familji u n-negozji laħqet il-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Il-Prim Ministru għal darb’oħra appella biex kulħadd jieħu l-vaċċin filwaqt li faħħar l-użu tal-mobile clinics fejn eluf ta’ persuni, iktar minn 8,000, għamlu użu minnhom.

Sostna kif m’hemmx dubju li l-progress u l-ġid ekonomiku jrid ikompli. Iżda, il-progress irid ikun iffukat lejn it-titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tagħna. U l-kwalità tal-ħajja tagħna jiġi minn ambjent aħjar u minn investiment f’dak li jagħmilna individwi iktar kuntenti, iktar kompluti. Mhux l-inqas f’dak artistiku u sportiv. Hawnhekk saret referenza għall-proġett ta’ Marsalforn fejn kien hemm bidla fil-mentalità bi spazju aktar għall-familja u t-tfal milli għall-karozzi.

Tkellem ukoll dwar l-investiment li sar fl-iskola tal-arti ta’ 5 miljun ewro fejn anke ftit xhur ilu, b’nefqa ta’ għaxar miljun ewro infetaħ il-Valletta Design Cluster u bħalissa hemm fis-seħħ numru ta’ inizjattivi u skemi bil-għan li jgħinu lill-artisti li minħabba l-pandemija għamlu ħafna sagrifiċji.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com