Allokati €200,000 Għall-‘Culture Pass 2021-2022’

 Allokati €200,000 Għall-‘Culture Pass 2021-2022’

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana nedew il-programm Culture Pass 2021-2022. Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qed jalloka €200,000 għal dan il-programm. L-għan ta’ dan il-programm huwa li joffri programm artistiku b’xelta wiesgħa ta’ produzzjonijiet mtella’ minn artisti lokali, għal studenti f’livell primarju, sekondarju u post sekondarju. Dan il-programm jikkumplimenta l-kurrikulu sabiex joffri esperjenza edukattiva u ħolistika lill-istudenti li jipparteċipaw fih.

Il-Ministru Herrera qal li matul is-sena skolastika li għaddiet dan il-programm kien ta’ suċċess, fejn aktar minn 80 skola għamlu talba għal dawn il-wirjiet li kellhom jsiru online sabiex jiġu osservati l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Il-Culture Pass sar opportunità oħra biex jinċentiva l-produtturi kulturali biex jipproduċu produzzjonijiet ġodda u attivitajiet artistiċi mfassla speċifikament għat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-produzzjonijiet ivarjaw u jirrappreżentaw il-forom kollha tal-arti: żfin, teatru, mużika, arti viżiva, letteratura, film u wirt kulturali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet kulturali qed ikunu mgħejjuna uliedna biex jgħarfu li l-edukazzjoni mhix biss dik li tingħata fil-klassi, imma l-edukazzjoni li tmur lil hinn mill-kurrikulu u hija mezz kif student jesplora wkoll il-ħiliet tiegħu u għalhekk permezz ta’ dawn l-attivitajiet kulturali jista’ jkollok studenti li jaraw fihom infushom talenti u ħiliet artistiċi li jistgħu jesploraw fil-mixja tal-karriera tagħhom.

Id-Direttorat tal-Kultura u l-Kunsill Malti għall-Arti qed iqisu ċ-ċirkostanzi u l-limitazzjonijiet minħabba l-pandemija COVID-19 li fiha l-programm Culture Pass kien qed jopera fl-istituzzjonijiet edukattivi matul l-aħħar sena skolastika. Għalhekk, il-produzzjonijiet kollha magħżula għall-programm 2020-2021 se jiġu inklużi awtomatikalment għall-programm 2021-2022 li ġej. Xorta waħda, nistiednu kwalunkwe produttur li jixtieq jipproponi produzzjonijiet ġodda biex jagħmel hekk sal-24 ta’ Awwissu 2021. B’hekk, il-programm li minnu jistgħu jibbenefikaw l-iskejjel ikun iktar mogħni u varjat.

Linji gwida u applikazzjonijiet huma online fuq il-website tal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-mistoqsijiet għandhom jiġu indirizzati lil [email protected].

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com