Avvenimenti Tal-Ġimgħa Tal-Għeluq Ta’ fuse

 Avvenimenti Tal-Ġimgħa Tal-Għeluq Ta’ fuse
Bħala parti mill-ġimgħa tal-għeluq għall-wirja tal-arti viżwali kontemporanja fuse, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, b’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster, qed torganizza serje ta’ avvenimenti u attivitajiet relatati mad-diversi aspetti ta’ dan il-proġett.

Waqt il-ġimgħa tal-għeluq tal-esibizzjoni bejn l-10 u s-16 ta’ Lulju 2021 fil-Valletta Design Cluster se jkunu qed isiru numru ta’ avvenimenti, li jinkludu tnedija ta’ ktieb, taħditiet bejn l-artist u l-kuratur, żjarat flimkien mal-kuratriċi, preżentazzjonijiet u wirjiet.

fuse huwa proġett kollaborattiv tal-arti viżwali u r-riċerka b’reazzjoni għall-komunitajiet u l-kuntesti ta’ madwar il-binja tal-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta.

Din il-wirja li hija magħmula minn tmien installazzjonijiet tal-arti pubbliċi barra l-Valletta Design Cluster, tiċċelebra t-tradizzjonijiet, l-identitajiet u l-istejjer tal-persuni li għexu fil-biċċerija l-antika – binja li għandha iżjed minn 400 sena ta’ storja.

Il-proċess fi tħejjija għall-wirja fuse kien immexxi mill-kuratriċi Elyse Tonna u t-tim tagħha. Il-wirja titratta t-temi tal-Konvivjalità, is-Simbjożi, ir-Ritwali, il-Familjarità, is-Sinerġija, ir-Reżiljenza, l-Ispostament, it-Tranżazzjoni u l-Intersezzjoni..

Tmien artisti u kollettivi se jkunu qed jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom inkluż Aaron Bezzina, Victor Agius, Tom van Malderen, Laura Besancon, Noah Fabri, Fatima AM u Chakib Zidi, Text Catalogue u Andrea Zerafa, Samuel Ciantar, Giola Cassar u Aprille Zammit.

Din hija l-aħħar opportunità biex il-pubbliku jara t-tmien interventi pubbliċi tal-arti. Minbarra programm organizzat ta’ avvenimenti li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni, se jkunu qed jintwerew b’mod regolari spettakli li jiffurmaw parti minn numru ta’ xogħlijiet mid-diversi artisti ta’ fuse. Dawn ser jintwerew fid-daħla prinċipali u fil-bitħa tal-Valletta Design Cluster, kif ukoll fl-iskola għall-arti fi Triq San Duminku.

Skont ir-regolamenti ta’ mitigazzjoni kontra l-firxa tal-virus COVID-19 li huma attwalment fis-seħħ, huwa meħtieġ li tintbagħat reġistrazzjoni minn qabel għall-avvenmenti permezz ta’ email fuq [email protected]. Il-protokolli tal-COVID-19 se jiġu segwiti b’mod strett, inkluż skennjar taċ-ċertifikati tal-vaċċin fl-entratura.

Għall-programm sħiħ tal-avvenimenti żur il-paġna ta’ fuse u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com