Cyrus Engerer Maħtur Biex Jikteb Riżoluzzjoni Dwar Il-Ksur Tal-Liġijiet Ewropej mill-Ungerija
L-MPE Laburista Cyrus Engerer għadu kif ġie maħtur biex jikteb u jmexxi n-negozjati fil-Parlament Ewropew f’riżoluzzjoni li tikkundanna l-Gvern Ungeriż għall-ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Din ir-riżoluzzjoni għandha tiġi diskussa u vvutata fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, li se ssir fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla.
L-Gvern Ungeriz ilu taħt l-osservazzjoni minħabba l-ksur kontinwu tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u talli jmur kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni. B’ta’ l-aħħar tkun il-liġi kontroversjali bil-għan li jitwaqqaf kull tip ta’ materjal u lezzjonijiet li fost l-oħrajn ikollhom tagħlim dwar id-diversita’ tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali fl-iskejjel.
Din l-liġi kienet fil-mira ta’ ħafna kritika, fosthom anke ftit ġranet ilu waqt il-UEFA Euro 2020 hekk kif l-UEFA m’aċċettatx t-talba tal-Kunsill tal-belt ta’ Munich sabiex l-Allianz Arena tinxtiegħel bil-kuluri tal-qawsalla, bi protesta kontra din l-leġislazzjoni.
L-leġislazzjoni ġiet kkritikata ukoll minn bosta organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mill-maġġoranza tal-Prim Ministri tal-pajjizi tal-Unjoni Ewropea.
L-MPE Cyrus Engerer qal li “‘Qiegħed jipprepara riżoluzzjoni b’saħħitha li tikkundanna l-Gvern Ungeriz taħt t-tmexxija awtokratika tal-Prim Ministru ultra-nazzjonalist Viktor Orban, fuq ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-valuri fundamentali Ewropej u s-saltna tad-dritt fl-Ungerija. Ser nkun qiegħed mmexxi tim t’Ewroparlamentari fin-negozjati ta’ din ir-riżoluzzjoni, fejn ser nkunu qiegħdin insejħu lill-UE biex tieħu azzjoni legali mmeddjata kontra l-Gvern Ungeriż.”
Din mhux l-ewwel darba li Engerer kkundanna lil Orban tal-aġir tiegħu kontra l-kommunita LGBTIQ. Huwa kompla jgħid li “m’hawn l-ebda post ghall-politika ta’ mibiegħda fl-Unjoni Ewropea. Il-fatt li Orban implementa liġi omofobika Russa fil-qafas leġislattiv tal-Unjoni Ewropea, għandu jigi kkundannat, u kkastigat.”
Engerer temm jgħid li “d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem, kemm fl-Ungerija, kemm f’Malta, kemm fl-UE, u madwar d-dinja”.