“Dan Ir-Rapport Jaf U Għandu Iservi Bħala L-Punt Tat-Tluq Biex Jibda L-Proċess Ta’ Fejqan Fuq Livell Nazzjonali” – Il-President George Vella

 “Dan Ir-Rapport Jaf U Għandu Iservi Bħala L-Punt Tat-Tluq Biex Jibda L-Proċess Ta’ Fejqan Fuq Livell Nazzjonali” – Il-President George Vella

“Dan ir-Rapport jaf, u għandu, iservi bħala l-punt tat-tluq biex jibda l-proċess ta’ fejqan fuq livell nazzjonali tat-trawma li ħalla dan l-assassinju tal-waħx li seħħ f’Ottubru 2017.” Hekk stqarr f’stqarrija mill-Uffiċċju tal-President, l-Eċċellenza Tiegħu il-President tar-Repubblika, George Vella, dwar ir-Rapport tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-Eċċellenza Tiegħu ħa nota tal-konklużjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta u filwaqt li għad irid jixtarr aktar u aħjar dak li ġie deċiż u dak li ġie rakkomandat, l-ewwel reazzjoni tiegħu hija li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu rispettati u, kull fejn huwa possibbli, jitwettqu.

Il-President Vella tenna l-importanza, kif għamel f’diversi okkażjonijiet matul il-Presidenza tiegħu, li l-istrutturi ġudizzjarji għandhom jitħallew jaħdmu bla ndħil u bla pressjoni esterna, sabiex il-ġustizzja tilħaq il-milja tagħha.

Il-Proċess ta’ fejqan jista’ jintlaħaq ukoll fl-ispirtu tal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li l-President sejjaħ fi Frar li għadda, kif ukoll fil-ħidma tal-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali li ser tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin, tenniet l-istqarrija.

L-Eċċellenza Tiegħu kkonkluda billi sema’ dak kollu li ntqal fil-konferenzi stampa tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni u jħoss li għandu jingħaqad magħhom biex jesprimi sogħba għal dak kollu li wassal għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com