€57 Miljun Biex Inkomplu Nsaħħu L-Opportunitajiet Għax-Xogħol – Stefan Zrinzo Azzopardi
Fost il-ħafna inizjattivi u investimenti li qegħdin nippreparaw fil-qafas tan-nefqa soċjali għal pajjiżna, se nkunu qed niddedikaw €57 miljun biex jissaħħu l-opportunitajiet tax-xogħol u r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna.
Dan qegħdin nipproponuh fid-dokument li ressaqna għall-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-flus allokati għal Malta mill-Fond Soċjali Ewropew Plus. Għal inizjattivi minn dan il-Fond se jkunu allokati xejn inqas minn €193 miljun, flus li se jiġu mill-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għal Malta għas-snin 2021-2027.
Mill-Fond Soċjali Ewropew, in-nefqa tagħna ħa tkun imsejsa fuq erba’ prijoritajiet ewlenin, iżda l-ewwel waħda fosthom hija dik dwar il-qasam tax-xoghol. Qed nipproponu aktar miżuri biex jitjieb l-aċċess għall-impjiegi u jingħata appoġġ lil dawk li qed ifittxu ix-xogħol, partikolarment iż-żgħażagħ, dawk li jkunu ilhom fuq ir-reġistru tax-xoghol u gruppi żvantaġġati, nies inattivi u miżuri li jħeġġu persuni jsiru self-employed u miżuri oħra indirizzati lejn l-ekonomija soċjali.
Għandna diversi miri li rridu nilħqu b’dawn il-miżuri. Irridu nappoġġjaw lil dawk li l-aktar qed ikollhom sfidi biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Irridu wkoll nindirizzaw in-nuqqas ta’ ugwaljanza fl-impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel. Ħa nkunu qegħdin niffukaw fuq il-ħtieġa li l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ ikunu sostnuti u tingħata spinta biex jiġu impjegati aktar nies ta’ eta’ avvanzata u adulti li għandhom nuqqas ta’ ħiliet.
Qed nippjanaw ukoll aktar programmi ta’ taħriġ għal ħalli ntejbu l-prospetti ta’ impjieg lil dawk li jkunu ilhom jirreġistraw għax-xogħol filwaqt li rridu nagħtu appoġġ qawwi għal inizjattivi biex jitħarrġu ħaddiema fl-oqsma tal-ekonomija l-ħadra u dik diġitali. Miżuri oħra se jgħinu aktar nisa biex jibdew negozju filwaqt li rridu naraw li jittaffew l-impatt tal-pandemija Covid-19 fuq is-suq tax-xogħol.
Bħalma għamel dejjem, il-Gvern Laburista se jkompli jagħti importanza kbira lill-qasam tax-xogħol anke permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin. Irridu nkomplu naraw il-qagħad f’pajjiżna jibqa f’livelli baxxi u aktar żgħażagħ jitħarrġu u jippreparaw ruħhom għall-opportunitajiet li jinħolqu permezz tal-investimenti fl-ekonomija l-ħadra u f’dik diġtali. Dawn huma sfidi ġodda li se jkollna quddiemna fis-snin li ġejjin u li b’determinazzjoni se naħdmu biex nibdluhom f’opportunitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin kollha.