Fond Ta’ €50,000 Intiż Biex Jippromwovi U Jirrikonoxxi L-Valur Tal-Proprjetà Intelletwali

 Fond Ta’ €50,000 Intiż Biex Jippromwovi U Jirrikonoxxi L-Valur Tal-Proprjetà Intelletwali

Dalgħodu l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija nieda l-‘Premju għall-Inkoraġġiment ta’ Ideat Ġodda u r-Rikonoxximent ta’ Proprjetà Intelletwali’, b’fond ta’ €50,000 fi premjijiet.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija Nancy Caruana qalet li  s-suċċess ta’ edizzjoni passati li tefgħu dawl fuq proġetti li jvarjaw minn inizjattivi teknoloġiċi bħal dawk relatati mal-produzzjoni tal-ikel, inizjattivi xjentifiċi bħal iżjed żvilupp fuq 3D printer li juża teknoloġija innovattiva ta’ laser sa sistemi ta’ moniteraġġ għad-dijabete fost oħrajn. “Proġetti ta’ dan il-livell għoli jawguraw tajjeb għall-kunċett tal-proprjetà intelletwali f’pajjiżna li qed ikompli joħloq kuxjenza fost kulħadd sabiex wieħed jipproteġi l-prodotti tagħhom, disinni, ideat u proġetti”, qalet is-segretarju permanenti.

Matthew Pisani, Id-Direttur għar-Reġistrazzjoni ta’ Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ, elenka dwar il-ħidma li ssir mid-Dipartiment fuq livell Ewropew partikolarment mal-Uffiċċju tal-EUIPO kif ukoll mid-Dipartiment tant li l-Uffiċċju Malti tal-Proprjetà Intellettwali kien l-ewwel wieħed minn fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li mill-1 ta’ Lulju beda jibgħat l-informazzjoni kollha relatata ma’ trademarks u disinni lill-EUIPO fuq il-pjattaforma tal-blockchain.

Il-‘Premju Proprjetà Intelletwali Malta’, immexxi mid-Dipartiment tal-Kummerċ,  huwa mmirat biex jirrikonoxxi u jippromwovi l-ħolqien tal-proprjetà intellettwali f’Malta. Il-premju huwa mqassam f’erba’ kategoriji.

  1. Premju għal Inizjattiva Kreattiva
  2. Premju għal Inizjattiva Xjentifika
  3. Premju għal Inizjattiva Teknoloġika
  4. Premju għal Inizjattiva ta’ Innovazzjoni Emerġenti

Linji gwida relatati ma dawn il-premjijiet jinsabu fuq www.commerce.gov.mt

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com