Ħondoq Ir-Rummien, Marsalforn U R-Ramla L-Ħamra Jingħataw Il-Bandiera L-Blu

 Ħondoq Ir-Rummien, Marsalforn U R-Ramla L-Ħamra Jingħataw Il-Bandiera L-Blu

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li t-tliet bajjiet ewlenin f’Għawdex, tar-Ramla l-Ħamra, ta’ Ħondoq ir-Rummien u dik ta’ Marsalforn, ingħataw il-bandiera l-blu (Blue Flag). Il-Ministru Camilleri qal kif l-għan ewlieni tal-Ministeru għal Għawdex huwa li jissebbħu l-bajjiet fil-gżira u b’hekk minnhom igawdu l-Għawdxin, il-Maltin u anke t-turisti. Dan filwaqt li fl-istess ħin jattiraw ukoll turiżmu sostenibbli.

“Il-bandiera blu ġġib magħha bosta responsabbiltajiet, mhux biss għall-awtoritajiet iżda anke għal kull min jiffrekwenta waħda minn dawn il-bajjiet. Irridu naraw li jkun hemm kwalità tajba ta’ ilma, immaniġġjar adegwat tal-ambjent, tisħiħ tal-edukazzjoni ambjentali, kif ukoll li niżguraw sigurtà sħiħa fuq il-bajja,” qal il-Ministru t’Għawdex.

Ġie spjegat kif il-Ministeru għal Għawdex ħadem bis-sħiħ sabiex kull bajja f’Għawdex tibqa’ tara tisħiħ u tisbiħ, u fejn hemm bżonn tiżdied l-aċċessibilità sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu aċċessati minn kullħadd.

Barra minn hekk, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li matul dawn l-aħħar ġimgħat kienet għaddejja l-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’, li kienet ikkoordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, fejn tnaddfu diversi postijiet madwar Għawdex. Huwa elenka wħud mill-postijiet, fosthom il-parkeġġ tal-Belt Victoria li tnaddaf u sar upgrading taż-żona billi nżebgħu linji ġodda tal-parkeġġi u saru tabelli ġodda, filwaqt li tħawlu s-siġar u l-pjanti. Tnaddfu l-wied u l-parkeġġ ta’ Marsalforn, il-parkeġġ tax-Xlendi, Triq Marsalforn, Triq il-Qala u Triq ix-Xlendi u tnaddfet il-kampanja fl-Għarb. Barra minn hekk, tnaddfu wkoll dawn il-monumenti u funtani: Mons Luigi Vella – Pjazza Savina, il-funtanta ta’ Villa Rundle, 1881 Fountain – Rabat crossroads, u l-monument ta’ Corpus Christi – Pjazza Indipendenza, ir-Rabat.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lid-Direttorat ta’ Eko-Għawdex u lill-ħaddiema, li mingħajrhom dan ix-xogħol żgur li ma kienx ikun possibbli.

Ritratt: MGOZ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com