“Il-PM Qed Jwebbes Rasu Biex Ikompli Jesperimenta Kif Jaqbel Lilu U Mhux Fuq Pariri Xjentifiċi U Mediċi” – Il-PN

 “Il-PM Qed Jwebbes Rasu Biex Ikompli Jesperimenta Kif Jaqbel Lilu U Mhux Fuq Pariri Xjentifiċi U Mediċi” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li Robert Abela “falla għal darba, tnejn u issa reġa’ tilef il-kontroll.”

Il-PN saħaq li Robert Abela mhux jgħatti kas lill-industrija tat-turiżmu ta’ pajjiżna u l-eluf ta’ impjiegi li jiddependu minnha. Il-PN insista jgħid li Robert Abela “qed jwebbes rasu biex ikompli jesperimenta kif jaqbel lilu u mhux fuq pariri xjentifiċi u mediċi, biex b’hekk in-numru tal-każijiet tal-COVID-19 f’pajjiżna reġgħu żdiedu b’mod allarmanti.”

“Aktar minn hekk għal Robert Abela u l-Gvern tiegħu, il-fatt li pajjiżna tqiegħed fuq il-lista l-ħamra ma jfisser xejn, bħal ma jfisser xejn il-kaos li ħoloq għal eluf ta’ familji li kienu se jsiefru, jew inqabdu barra minn Malta, meta l-ewwel impona miżuri ġodda u wara ftit reġa’ bidilhom” tenna il-PN

Fl-istqarrija l-PN jgħid lil Robert Abela li “għandu llum qabel għada jneħħi l-arroganza u s-suppervja tiegħu,” u jassigura li l-poplu ma jerġax jispiċċa l-vittma tal-iżbalji tiegħu, partikolarment l-anzjani, l-istudenti, l-għalliema, l-ġenituri, l-artisti, l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż, tar-ristoranti u kull min jaħdem fis-settur tat-turiżmu, fost l-oħrajn.

“Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq kemm-il darba proposti konkreti, ibbażati fuq ix-xjenza, sabiex pajjiżna jerġa jakkwista n-normalita’ mill-aktar fis, liema proposti Robert Abela għall-ewwel jinjora imma imbagħad, jagħmilhom tiegħu” ikkonkludiet lis-stqarrija.

Ritratt: Reuters

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com