Iċ-Ċeki Għandhom Jumejn Vaganza Jekk Jieħdu l-Vaċċin
Ilbieraħ, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka ħabbar li l-impjegati tal-Gvern li rċevew it-tilqima tagħhom kontra l-COVID-19 se jkunu intitolati għal jumejn vaganza mħallsa mill-Gvern.
Dawn ħa jkunu validi sa tmiem l-2021, il-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Praga. Dan fid-dawl li jżidu r-rata tal-vaċċinazzjoni fil-pajjiż fejn s’issa tlaqqmu madwar nofs il-popolazzjoni.
Il-Prim Ministru Babiš ħeġġeġ lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex isegwu l-istess, kif ukoll ħeġġeġ lill-kumpaniji privati biex iħeġġu lill-impjegati tagħhom jieħdu l-vaċċin.
Xi wħud mill-kumpanija privati kienu diġà bdew jippruvaw jagħmlu inċentivi, fosthom il-manifattur tal-karozzi Skoda, fejn diġà kienu qed joffru inċentivi biex iħeġġu lill-ħaddiema tagħhom jieħdu l-vaċċin.
Din ġiet ikkritikata mill-partiti tal-Oppożizzjoni, fejn qalu li dan huwa ġest populist qabel l-elezzjonijiet leġiżlattivi ta’ Ottubru li ġej.
Ritratt: Euronews