Iffirmat Qbil bejn l-UOM u Evolve Ltd Għal Investiment Fi Grupp Ta’ Riċerka Ewlieni
Evolve Ltd u l-Università ta’ Malta, bl-appoġġ tal-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19, iffirmaw ftehim ta’ 3 snin għal investiment f’wieħed mill-gruppi ta’ riċerka ewlenin fl-Università` ta’ Malta: l-Electromagnetic Research Group (EMRG). Dan il-qbil kien possibbli grazzi għax-xogħol tar-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) immexxija mis-Sur Wilfred Kenely.
EMRG huwa grupp li jinvolvi aktar minn għoxrin membru li ġejjin minn oqsma differenti. Uħud minn dawn diġà ħadmu ma’ istituzzjonijiet internazzjonali magħrufa fil-qasam tar-riċerka. Fin-natura tiegħu l-grupp EMRG jinvolvi membri mill-oqsma tal-fiżika, matematika, xjenzi ġeografiċi, inġinerija, mediċina u kirurġija. Sieħeb kummerċjali huwa kruċjali għal gruppi bħal dawn sabiex jakkwistaw il-fondi u jkunu jistgħu jwessgħu l-prospetti tar-riċerka tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici tenna: “Dan il-qbil huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li jagħti sostenn lir-riċerka b’mod aktar miftuħ u mhux marbut ma’ proġett ta’ riċerka speċifiku. Wieħed jittama li kumpaniji privati oħra jkunu xprunati minn din l-inizjattiva, u jappoġġjaw huma wkoll attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp għall-benefiċċju kemm tar-riċerka stess, kif ukoll għat-tkabbir tal-industrija ladarba jsiru skoperti innovattivi li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati.”
“Hija xi ħaġa innovattiva ħafna li jkun hawn kumpanija privata f’Malta li tinvesti fi grupp ta’ riċerkaturi b’dan il-mod li jtihom il-libertà li jiddeċiedu kif l-aħjar jużaw il-fondi għar-riċerka,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Malta Enterprise ukoll qed tappoġġja dan il-ftehim li jkompli jinkoraġġixxi iżjed kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika.
Dan il-qbil qed jiġi deskritt bħala wieħed kruċjali fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp lokali, fejn kumpanija privata qed tinvesti fir-riċerka u l-potenzjal ta’ grupp ta’ riċerkaturi u akkademiċi.
Il-Kap ta’ dan il-grupp ta’ riċerkaturi, il-Professur Charles Sammut spjega li l-investiment ta’ entitajiet mhux governattivi f’dan is-settur għadu limitat u rringrazzja lill-kumpanija Evolve talli fdat il-grupp EMRG u investiet fir-riċerka tiegħu.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Prof. Alfred J. Vella qal li huwa kunfidenti fil-kapaċitajiet li għandhom ir-riċerkaturi ta’ pajjiżna li japplikaw ix-xogħol u r-riżultati li jiksbu għall-ġid tal-komunità kollha.