Titnieda L-Iskema ‘Work Trial Scheme For Youths’ Mill-Ministeru Għal Għawdex

 Titnieda L-Iskema ‘Work Trial Scheme For Youths’ Mill-Ministeru Għal Għawdex

Għal sena oħra, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-iskema magħrufa bħala l-Work Trial Scheme for Youths, li minnha jistgħu jibbenefikaw dawk iż-żgħażagħ Għawdxin ta’ bejn is-16 u l-20 sena li qed ifittxu xogħol għal dan is-sajf.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Camilleri spjega li dawk l-istudenti li jattendu xi skola sekondarja, l-MCAST, l-ITS, il-Junior College jew l-Università, huma wkoll eleġibbli għal din l-iskema.

Dawn iż-żgħażagħ jistgħu jaħdmu mas-settur privat jew ma’ xi organizzazzjoni volontarja (VO). Dan filwaqt li min iħaddem irid ikun reġistrat ma’ Jobsplus sabiex ikun jista’ jimpjega liż-żgħażagħ miegħu b’din l-iskema u x-xogħol għandu jkun biss fil-gżira Għawdxija.

Għal dan il-Ministru għal Għawdex tenna li “bħala Gvern dejjem emminna fiż-żgħażagħ, anke sabiex inwittulhom it-triq għad-dinja tax-xogħol. B’din l-iskema, apparti li se nkunu qed nagħtu aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Għawdxin fix-xhur li fihom ma jattendux skola, f’Għawdex stess, se nkunu wkoll qed inservu ta’ spalla għal bosta negozji f’din il-gżira li se jħaddnu din l-iskema.”

L-applikazzjonijiet se jiftħu t-Tnejn 5 ta’ Lulju u jagħlqu l-Ġimgħa 9 ta’ Lulju, sa nofshinar. Biex japplika wieħed għandu jidħol fuq https://mgoz.gov.mt/en/Pages/eForms/Work-Trial-Scheme-for-YOUTHS-2021.aspx. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ wkoll jibgħat email fuq [email protected]

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com