Il-Gvern Dwar Il-Proċess Parlamentari Għar-Rigward L-Att Dwar Il-Professjoni Tal-Inġiniera

 Il-Gvern Dwar Il-Proċess Parlamentari Għar-Rigward L-Att Dwar Il-Professjoni Tal-Inġiniera

Fi stqarrija l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali qal li stieden lill-Malta Association of Professional Engineers (l-MAPE) u lill-Oppożizzjoni għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni fil-Parlament.

L-urġenza li l-gvern jikkonkludi dan il-proċess parlamentari għar-rigward dan l-att ġejja mill-fatt li dan huwa:

  • Obbligu li Malta tittrasponi d-Direttiva Ewropea dwar is-Servizzi fis-Suq Intern fil-każ tal-inġiniera;
  • Li l-Kummissjoni Ewropea diġà (fl-2015) bagħtet ittra ta’ tqegħid fil-mora kontra Malta f’dak li għandu x’jaqsam in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea tas-Servizzi f’dan l-att.

Fil-fatt, għal din il-laqgħa attenda wkoll uffiċjal tas-Segretarjat għall-Unjoni Ewropea li enfasizza l-importanza li l-proċess parlamentari jiġi konkluż kemm jista’ jkun malajr. L-ikbar diżappunt kien proprju li għal din il-laqgħa l-MAPE ma attendietx.

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jixtieq jirrimarka wkoll li l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera li hemm għad-diskussjoni tal-Parlament hemm qbil dwaru kemm mal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mal-Kamra tal-Inġiniera.

Għalhekk wara li t-tentattiv mill-Oppożizzjoni għal konsultazzjoni mal-MAPE falla, il-gvern ma fadallux triq oħra ħlief li jkompli bil-proċess tat-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea tas-Servizzi u tiġi indirizzata l-ittra ta’ tqegħid fil-mora mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com