“Il-Ħabs Huwa Skandlu Nazzjonali” – PN

 “Il-Ħabs Huwa Skandlu Nazzjonali” – PN

Kemm iridu jmutu persuni fil-ħabs tagħna biex Robert Abela jifhem li fil-ħabs hemm kollass totali? Għal darb’oħra il-poplu Malti jinsab maħsud bil-mewt ta’ persuna oħra waqt li kienet qiegħda tinżamm il-ħabs. Dan qalu fi stqarrija Dr. Beppe Fenech Adami kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa kompla jgħid li għal darb’oħra tfajla fl-aħjar ta’ żogħżita mietet, għaliex min huwa responsabbbli biex jindokra l-ħajja tan-nies fil-ħabs tagħna falla u falla bi kbir. Għal darb’oħra għandna persuna li llum tinsab mejta għaliex min huwa responsabbli mill-ħabs naqasha. Għal darb’oħra għandna familja għaddejja minn dulur bil-mewt ta’ binthom, għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ jinsisti li fil-ħabs kollox miexi fuq ir-rubini, m’hemmx problemi.

Beppe Fenech Adami qal li l-ħabs huwa skandlu nazzjonali, fejn il-ħajja tan-nies ma tiswa xejn. Il-ħabsin saru sempliċiment numri bla dinjitá fejn saħansitra jitilfu ħajjithom. Huwa qal li il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela sabiex jintervjeni mmedjatament sabiex is-sitwazzjoni tal-biża fil-ħabs tiġi indirizzata u fakkar li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jara li jkun hemm bidla fit-tmexxija tal-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin bit-tneħħija tad-direttur preżenti.

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat nieda l-proposti tiegħu għal faċilitá korrettiva ta’ Kordin fost oħrajn: li jkun hemm estensjoni strutturali tal-faċilità attwali ta’ Kordin. L-Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji. Ikunu pprovduti postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anki għal integrazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà̀. Ikun provdut trattament aktar xieraq lill-vittmi tal-vizzju tad-droga, ’l bogħod mis- CCF, simili għal ‘Prison Inmate Programme’ li tmexxi l-Caritas. F’dan il-każ jista’ jkun li fl-ewwelnett qatt ma kellha tkun il-ħabs. Allura hemm bżonn riforma ċara anke fil-mod kif nittrattaw users. Ripatriazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom. Indaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku li permezz tagħha l- priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fis-CCF; dan jgħodd ukoll għall-persuni miżmuma b’arrest preventiv. Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri, u tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-faċilità tas-CCF, anki għall-ġid ta’ dawk l-ulied. Inwettqu riforma tas-sistema tal-parole biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu li jagħmlu riabilitazzjoni u riforma. Kif ukoll niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanitá u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com