Sa Fl-Aħħar.. Il-Partitarji Tal-Futbol Mil-Lejla Lura Fid-Dar Naturali Tagħhom

 Sa Fl-Aħħar.. Il-Partitarji Tal-Futbol Mil-Lejla Lura Fid-Dar Naturali Tagħhom
Sa fl-aħħar il-partitarji lura fl-istadiums.
Wara ħafna qtiegħ il-qalb mhux tort tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li ilhom għal dawn l-aħħar sittax-il xahar jagħmlu biċċa xogħol enormi, issa huwa l-eżami tagħhom li jiftħu u jillaxkaw il-miżuri għax il-poplu jrid ħajtu lura mhux anqas il-partitarju tal-futbol.
Dejjem iżda b’kawtela għax il-COVID19 għadha magħna u kif qed naraw fl-aħħar jiem reġa hemm ħjiel li l-każijiet qed jerġgħu jiżdiedu.
Iżda dal-poplu Malti issa vaċċinat, l-immunita tal-massa ntlaħqet, każijiet ta’ mwiet u nies l-isptar mhux qed ikun hemm u għalhekk, anke fid-dawl ta’ dak li għadna kif esperjenzajna fl-istadiums waqt Euro 2020, il-partitarju tal-Futbol Malti għatxan aktar minn qatt qabel li jirritorna fid-dar naturali tiegħu.
Mil-lejla fl-ewwel partita fl-istorja mill-kompetizzjoni ġdida mminn dan l-istaġun UEFA Europa Conference League bejn Mosta li ukoll huma debuttanti fil-kompetizzjonijiet Ewropej u s-Slovakki ta’ Spartak Trnava huma permessi 200 partitarju.
Skont stqarrija uffiċjali tal-Malta Football Association dawn irid ikollhom fil-pussess tagħhom biljett għal-logħba u ċertifikat tal-vaċċin, magħhom dokument ta’ identifikazzjoni bħal ID Card, passaport jew liċenzja tas-sewqan u jekk dawn ir-rekwiżiti ma’ jintlaħqux l-ebda partitarju ma’ jkollu aċċess biex isegwi l-partita minn fuq l-istands tas-Centenary Stadium.
Il-partitarji llejla u fil-logħbiet li ġejjin, il-Ħamis li ġej Birkirkara, l-ġimgħa d-dieħla Gżira United u Hibernians iridu jħallu d-dettalji personali tagħhom, bħal isem u kunjom u numru taċ-ċellulari għal raġunijiet ta’ contact-tracing.
Il-biljetti għal-logħba jridu jinxtraw minn qabel u mhux se jkun hemm aċċess għal bejgħ ta’ biljetti eżatt qabel il-partita.
M’għandhiex xi ngħidu min jattendi għal dawn il-logħbiet irid jagħmel użu mill-ilbies tal-maskra jew visor u jżomm id-distanza soċjali f’kull ħin li fih ikun preżenti fl-istadium isegwi l-partita tal-lejla li tibda fis-5.45pm bejn Mosta u Spartak Trnava.
L-istess jgħodd għal-logħba tal-Ħamis li ġej dejjem fis-Centenary Stadium ukoll mill-UEFA Europa Conference League bejn Birkirkara u La Fiorita ta’ San Marino li tibda fit-8pm u l-ġimgħa d-dieħla, Hibernians kontra Flora Talinn tal-Estonja nhar it-Tlieta 13 tax-xahar fis-6pm u Gżira United kontra UE Sant Julia ta’ Andorra, l-Ħamis tal-ġimgħa d-dieħla u din tal-Maroons tibda fit-8pm ta’ filgħaxija.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com