Il-MPE Alex Agius Saliba B’Ħatra Importanti

 Il-MPE Alex Agius Saliba B’Ħatra Importanti

Fi stqarrija mill-Partit Laburista, intqal li l-MPE Alex Agius Saliba ġie elett bħala Chairman tal-Alleanza Ewropea Brain, Mind and Pain. Din l-Alleanza tiġbor fi ħdana 31 Assoċjazzjoni Ewropea illi jaħdmu favur id-drittijiet ta’ pazjenti illi jbagħtu minn uġiegħ kroniku, kif ukoll il-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet Newroloġiċi (EFNA) illi tirrappreżenta fost oħrajn lill-professjonisti u lill-pazjenti li għandhom kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa tal-moħħ.

Alex Agius Saliba qal illi jinsab onorat illi ġie fdat b’responsabbiltà tant importanti fuq bażi Ewropea sabiex ikompli jkun vuċi favur pazjenti illi jbagħtu minn diversi kundizzjonijiet li ħafna drabi jkunu moħbija, bħal ADHD, Epilessija, Migranja, Myalgic Encephalomyelitis (ME), Parkinsons Disease u Huntingston Disease fost oħrajn.

Huwa saħaq li din l-Alleanza fuq bażi Ewropea tirrapreżenta 220 miljun persuna illi jbagħtu minn disturbi newroloġiċi u 150 miljun oħra illi jbagħtu minn uġigħ kroniku. L-MEP Agius Saliba qal ukoll illi għalkemm illum jeżistu numru ta’ trattamenti disponibbli għal dawn il-kundizzjonijiet fuq bażi Ewropea, 8 minn kull 10 persuni illi jbagħtu minn diżordni newroloġiku ma jingħataw l-ebda trattament għall-kundizzjoni tagħhom.

Agius Saliba sostna illi minbarra li dawn il-kundizzjonijiet qed inaqqru l-kwalita’ tal-ħajja tal-persuna, dawn ukoll qed iħallu impatt ekonomiku dirett fuq l-ekonomiji tagħna hekk kif skont l-aħħar statistika huwa stmat illi l-impatt ekonomiku fuq bażi Ewropea minħabba diżordnijiet newroloġiċi kien ilaħħaq it-€800 biljun kull sena, iġifieri madwar 6% tal-Prodott Gross Domestiku Ewropew.

Il-prijoritajiet ta’ din l-Alleanza huma dawk illi jiġġieldu l-istigma illi għadha teżisti b’rabta ma’ dawn il-kundizzjonijiet kif ukoll billi ssir ħidma favur aċċess adegwat għal trattamenti, support u riċerka f’kull Stat Membru.

Il-MPE Agius Saliba temm jgħid li fuq livell Ewropew hemm bżonn ta’ aktar sinerġija fejn tidħol il-politika tas-saħħa sabiex ikun hemm apprezzament akbar tad-diffikultajiet li jgħaddu minnhom il-pazjenti, u biex fl-aħħar mill-aħħar, ikunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet aqwa biex jiġu miġġielda dawn id-diffikultajiet b’mod aktar effettiv.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com