Il-Papa Franġisku Ġie Rilaxxat Mill-Isptar
Id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni, ikkonferma li l-Papa Franġisku ġie rilaxxat mill-Isptar Gemelli f’Ruma ftit wara l-10.30 ta’ filgħodu.
Din kienet l-ewwel darba li l-Papa Franġisku, li għandu 84 sena, iddaħħal l-isptar minn kemm ilu Papa. Huwa daħal l-isptar nhar l-4 ta’ Lulju biex jagħmel operazzjoni skedata fil-musrana l-kbira minħabba problemi li kien qed ikollu.
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Matteo Bruni qal li “Qabel ma rritorna fil-Vatikan, il-Papa għamel waqfa fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri fejn, huwa talab quddiem l-ikona tal-Madonna ‘Salus Populi Romani’, huwa esprima l-gratitudni tiegħu għas-suċċess tal-operazzjoni li għamel u offra talba għall-morda kollha, speċjalment dawk li ltaqa’ magħhom fl-isptar. Ftit qabel nofsinhar, huwa rritorna f’Casa Santa Marta.”
Matul dawn l-aħħar jiem il-Papa żar diversi tfal li jinsabu fid-Dipartiment tal-Onkoloġija.
Ritratt: Vatican News