Investiment Ta’ €1 Miljun Fl-Illuminazzjoni Tal-Imdina
In-‘National Development and Social Fund’ (NDSF) ħabbret investiment ta’ miljun ewro fi proġett ta’ illuminazzjoni fl-Imdina. L-installazzjoni ta’ dwal bl-użu tal-aħħar teknoloġija ser titwettaq minn Infrastructure Malta. L-investiment tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.
Dan il-proġett qed isir bħala parti minn investiment akbar ta’ tliet miljun ewro favur it-tisbiħ ta’ bini u landmarks ewlenin f’Malta li għandhom valur kbir arkitettoniku u kulturali. L-Imdina, l-ewwel belt kapitali Maltija, hija fil-fatt rikonoxxuta bħala t-tieni l-aktar belt li jżuruha turisti f’pajjiżna.
Fl-ewwel fażi tal-proġett se jiġi installat dawl esterjuri madwar il-binjiet ewlenin tal-Imdina li bħalissa jinsabu mudlama jew imdawla b’mod li ma jirrifletti xejn is-sbuħija arkitettonika tagħhom. Dawn jinkludu l-Katidral tal-Imdina, il-Knisja tal-Karmelitani, il-Bieb tal-Imdina, il-Bieb tal-Griegi u Palazzo Vilhena. Tul it-tieni fażi tal-proġett se tintuża teknoloġija moderna biex jinbidel id-dawl fil-belt stess. Id-dawl il-ġdid għandu jservi mhux biss biex isebbaħ l-Imdina iżda biex iħares il-binjiet storiċi mit-tniġġis iġġenerat mid-dawl. Fit-tielet fażi, se jinbidel id-dawl mal-fortifikazzjonijiet tal-Imdina u Ġnien Howard.
Il-Ministru Ian Borg saħaq dwar l-importanza li nippreservaw il-wirt storiku ta’ pajjiżna u dak kollu li ħallewlna missirijietna.
“L-impenn tagħna jibqa’ wieħed b’saħħtu fejn qed naraw li l-proġetti kollha miż-żgħir sal-kbir dejjem isiru b’serjetà u bi professjonalità ħalli nkomplu nsebbħu pajjiżna u nkomplu mexjin dejjem ’il quddiem u naċċertaw li Malta tibqa’ tassew ċentru ta’ attrazzjoni kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali” tenna l-Ministru Borg
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan huwa investiment li se jħalli impatt qawwi minn diversi aspetti. Apparti li se jżid il-valur estetiku tal-Imdina, se jżid ukoll il-valur soċjali u dak storiku tal-belt filwaqt li jrawwem sens ta’ awtentiċità fost il-Maltin. Filwaqt li fakkar li dan il-proġett ma kienx ikun possibbli kieku mhux għall-inizjattivi Maltin ta’ residenza u ta’ ċittadinanza, is-segretarju parlamentari qal li din hija turija ċara ta’ kif ħidmet l-NDSF qed issarraf f’ġid li qed jasal fil-komunità.
Il-ftehim dwar din l-għotja soċjali ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-NDSF Ray Ellul u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi.
Ritratti: DOI