Investiment Ta’ €17,000 F’Faċilità Għall-Eżerċizzju Fiżiku Fil-Miftuħ Fiż-Żurrieq

 Investiment Ta’ €17,000 F’Faċilità Għall-Eżerċizzju Fiżiku Fil-Miftuħ Fiż-Żurrieq
Investiment ta’ €17,000 mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja flimkien mas-Segretarjat għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji u bis-sehem ta’ SportMalta u tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq wassal biex parti minn Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq tinbidel f’faċilità għall-eżerċizzju fiżiku li minnha se jibbenefikaw b’mod partikolari t-tfal u l-ġenituri tagħhom.
Ix-xogħol li sar jikkonsisti minn grawnd tal-futbol għat-tfal b’turf artifiċjali kumplimentat minn żewġ magni tal-gym għall-ġenituri, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jagħmlu eżerċizzji fiżiċi waqt li uliedhom ikunu għaddejjin bil-logħob tal-futbol.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żaru din il-faċilità u esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-mod kif SportMalta qed tidentifika spazji miftuħin f’diversi lokalitajiet li jkunu jistgħu jinbidlu f’faċilitajiet fil-miftuħ għall-eżerċizzju fiżiku.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “F’ħajja impenjattiva bħal din li qegħdin ngħixu huwa importanti li jinstab ħin għal ftit eżerċizzju fiżiku, mhux biss għat-tfal imma wkoll għall-ġenituri. L-eżerċizzju fiżiku huwa strumentali għal saħħet il-bniedem, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll minn dak mentali. Spazji fil-miftuħ huma ideali biex ikunu trasformati f’faċilitajiet bħal dawn u jagħmlu sew il-kunsilli lokali li jimitaw dak li għamel il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima aċċenna għall-impenn tal-gvern li huwa kommess li jkompli jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin, partikolarment fis-saħħa fiżika u mentali tagħhom. Qal li dawn il-faċilitajiet, li fl-aħħar xhur rajna żieda sostanzjali fihom, se joħolqu ekwilibriju għall-familji Maltin bejn ix-xogħol u l-attività fiżika. “Minbarra l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-attività fiżika, huwa importanti li nqarrbu l-komunitajiet aktar viċin xulxin,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li SportMalta, barra li qed tagħmel investiment fil-faċilitajiet sportivi tagħha u oħrajn ġodda, għamlet eżerċizzju biex tfittex spazji miftuħa fil-komunitatjiet. Iktar minn 20 proġett differenti, wieħed minnhom dak ta’ Ġnien il-Ġibjun, ġew varati bl-għan li jressqu aktar nies ta’ kull eta biex jagħmlu attività fiżika kuljum viċin id-dar tagħhom.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima saħqet li l-ġonna pubbliċi dejjem kellhom funzjoni importanti għas-saħħa pubblika fl-ibliet u l-irħula tagħna. Għaldaqstant, bħala kunsill qed jilqgħu dan l-investiment li sar f’Ġnien il-Ġibjun għaliex se jkompli jservi ta’ ġid għas-saħħa fiżika u mentali tar-residenti, kemm tfal u kemm kbar.
Ritratt: DOI / Jeremy Wonnacott
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com