It-Taljani Jiċċelebraw Bi Kbir Wara Xhur Ta’ Tensjoni

 It-Taljani Jiċċelebraw Bi Kbir Wara Xhur Ta’ Tensjoni

F’logħba kollha emozzjoni li tniżżel siparju ieħor fuq din il-kompetizzjoni Ewropea, t-tim Taljan ħareġ rebbieħ permezz tal-panalties fuq it-tim Ingliż.

It-Taljani fi kliemhom ċċelebraw it-titlu ta’ dan  il-Kampjonat Ewropew bħala bidu ġdid mhux biss għat-tim nazzjonali żagħżugħ tagħhom iżda għal pajjiż li ntlaqat ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19.

Fl-Italja matul dan il-lejl it-toroq u l-pjazez intlew bin-nies jiċċelebraw fost daqq ta’ ħornijiet, partitarji jkantaw u logħob tan-nar, mhux inqas ġewwa Malta fejn f’żoni magħrufa speċjalment f’Tas-Sliema u San Ġiljan kienu mimlija nies jiċċelebraw fost ‘carcade’ matul ix-xatt kollu ta’ tas-Sliema.

Ħafna Taljani raw il-Kampjonat Ewropew bħala bidu mill-ġdid għal pajjiż li qatta’ ħafna minn dawn l-aħħar 16-il xahar f’diversi stadji ta’ lockdown.

L-Italja kienet l-ewwel pajjiż barra mill-Asja li ntlaqtet mill-pandemija tal-COVID-19 u sofriet b’mod kbir, b’mod partikolari fir-rebbiegħa tal-2020 meta l-isptarijiet fit-Tramuntana tal-Italja kienu megħluba b’pazjenti u mwiet dejjem jiżdiedu ta’ kuljum. L-Italja rreġistrat aktar minn 127,000 mewta tal-COVID-19, l-ogħla fl-Unjoni Ewropea kollha.

Ritratti: Nazionale Italiana di Calcio

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com