Konferenza Internazzjonali F’Malta Dwar L-Akkomodazzjoni Soċjali

 Konferenza Internazzjonali F’Malta Dwar L-Akkomodazzjoni Soċjali

Id-dritt għal dar adekwata hu universali u fundamentali għall-għajxien tal-bniedem. Dan ħareġ minn konferenza internazzjonali li ttellgħet mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u mill-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.

Il-Ministru Galdes qal li l-politika li qed timplimenta Malta f’dan il-qasam ma tiqafx mal-provvista ta’ saqaf imma tfittex li tassigura dar għal kulħadd li huwa ddeskriva bħala spazju li jippermetti l-iżvilupp tal-familja tkun ta’ liema għamla tkun. L-impenn biex kulħadd ikollu dar, saħaq il-Ministru Galdes, jeħtieġ sistema li taħseb f’soluzzjonijiet ta’ emerġenza, stock adekwat ta’ akkomodazzjoni soċjali, akkomodazzjoni affordabbli u servizzi oħra speċjalizzati.

“Pilastru kruċjali għalina huwa li l-Istat jintervjeni u jindirizza kull fejn is-suq ifalli u jħalli familji mingħajr alternattivi ta’ akkomodazzjoni”, qal il-Ministru Roderick Galdes. Fil-konferenza pparteċipa l-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet Soċjali u x-Xogħol Nicolas Schmit.

Il-konferenza qed issir jiem wara li Malta ffirmat id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona li permezz tagħha twaqqfet pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal li kull persuna għandha dritt għal standard ta’ għajxien adekwat għas-saħħa u l-benesseri tagħha u tal-familja. Fuq bażi lokali, Dr Agius Saliba tenna li b’Awtorità tad-Djar miftuħa aktar għan-nies u permezz ta’ inizjattivi li saru fl-aħħar snin, f’pajjiżna llum għandna settur li huwa ħaj u li qed jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Fuq kollox, bl-investiment li l-gvern qed jagħmel fil-bini ta’ aktar minn 1,700 unit ta’ akkomodazzjoni soċjali, għall-ewwel darba wara ħafna snin, qed naraw l-Istat jagħmel pass importanti ’l quddiem biex ir-rata ta’ stennija tkompli tonqos.

“Iżda anke fuq bażi Ewropea, bħala soċjalisti u demokratiċi rridu nkomplu naħdmu sabiex innaqqsu kemm jista’ jkun il-faqar sabiex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Kommess li flimkien mal-Gvern Malti, bħala ewroparlamentari nkompli naħdem sabiex niksbu aktar best practices sabiex inkomplu ntejbu dan is-settur li diġà għamel qabża kbira ’l quddiem fl-aħħar ftit snin.

Indirizzat il-konferenza wkoll il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Iratxe Garcia Perez u l-Viċi President Pedro Marques. Matul l-istess konferenza ġiet diskussa t-tema tal-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, liema realtà żdiedet b’70% matul l-aħħar għaxar snin madwar l-Ewropa. Id-diskussjoni ssawret bl-interventi tal-Membru Parlamentari Ewropew Estrella Dura-Ferrandis negozjatur tal-S&D fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd, is-Segretarju Ġenerali ta’ Housing Europe Sorcha Edwards flimkien mal-antropologa Maltija Dr Rachael Scicluna u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay.

Ġie trattat ukoll il-finanzjament tal-akkomodazzjoni bl-involviment tar-rappreżentanta tal-belt ta’ Vjenna Michaela Kauer, Dr Kurt Xerri mill-Università ta’ Malta u Mr Joseph Darmanin mill-Bank Malti tal-Iżvilupp.

Ritratti (DOI/MSA)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com