Il-Viżjoni Ekonomika Fl-Edukazzjoni U X-Xogħol

 Il-Viżjoni Ekonomika Fl-Edukazzjoni U X-Xogħol

Dalgħodu l-MIMCOL organizzat seminar fejn ġie diskuss it-tielet pilastru minn ħamsa mid-dokument tal-Viżjoni Ekonomika 2021-2023 ta’ Malta. F’din is-sessjoni ġew indirizzata l-edukazzjoni u x-xogħol bil-kelliema jkunu il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo. Ipparteċipaw ukoll fl-avveniment partijiet interessati minn entitajiet tal-gvern, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Il-Ministru Schembri qal li “L-ikbar sfida li għandha Malta mhux it-tkabbir tal-ekonomija iżda li ssostni t-talent uman li għandha u li tibqa’ tattira l-aqwa talent fuq livell globali. Malta trid tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa li fihom il-kapital uman jista’ jakkwista l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-bini tal-ekonomija tal-futur. Dan filwaqt li toħloq impjiegi ta’ kwalità u kundizzjonijiet għolja u tassigura li tibqa’ attraenti bħala d-dar naturali għal talent globali,”

Il-Ministru Schembri tkellem ukoll fuq ix-xejriet ekonomiċi kif dawn qegħdin jinbidlu b’ritmu iżjed mgħaġġel lejn ir-rivoluzzjoni industrijali bbażata fuq mezzi tat-teknoloġija diġitali avvanzata, u kif il-ħiliet meħtieġa jridu wkoll jimxu id f’id ma’ dan l-iżvilupp.

Saħaq ukoll dwar l-importanza tan-negozji u tal-istartups fl-ekonomija Maltija u ħeġġeġ lill-edukaturi sabiex minn età żgħira jnisslu mħabba fit-tfal lejn xogħol fl-intraprenditorija li bl-avvanz fit-teknoloġija qed toffri oqsma innovattivi fosthom fid-diġitali. Ħeġġeġ liż-żgħażagħ ma jibżgħux mir-riskji li jġibu magħhom karrieri fl-intraprenditorija għax dak huwa s-sisien tas-suċċess.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni Diġitali u l-Ħiliet Transversali li għadha kemm tnediet, kif ukoll dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). “Bħala ministeru issa rridu nkomplu naħdmu biex inbiddlu l-isfidi attwali f’opportunitajiet ħalli niksbu l-għarfien għal tranżizzjoni bla xkiel lejn tagħlim onlajn”, qalet il-Ministru Caruana waqt li rreferiet għall-pandemija tal-Covid-19 li wasslet għall-ħtieġa ta’ pjattaformi diġitali biex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-lezzjonijiet u tat-tagħlim.

Meta tkellmet dwar is-suġġetti VET, il-Ministru Caruana qalet, “Jekk inħarsu lejn l-MCAST naraw li dan il-kulleġġ qed jirrevedi l-pjan strateġiku tiegħu li huwa mmirat biex ikompli jtejjeb l-esperjenza ta’ tagħlim u xogħol tal-istudenti u tal-istaff akkademiku fuq bosta fronti. Il-gvern qed jappoġġa lill-industrija b’investiment ta’ €2.75 miljun biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida l-istudenti jingħataw opportunitajiet ta’ apprendistat”.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka li s-setturi ekonomiċi, b’mod partikolari s-settur tal-ospitalità, għandu jkun hemm enfasi importanti biex pajjiżna jħaddan il-kwalità fl-esperjenza kemm għat-turist domestiku u anke dak barrani. “F’dinja li qed tinbidel kuljum, il-kwalità trid issir l-ordni tal-ġurnata. Is-settur turistiku huwa pilastru importanti fl-ekonomija tal-preżent u tal-futur. Xogħolna huwa li nkomplu ntejbu l-prodott tagħna biex verament Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika,” qal il-Ministru Clayton Bartolo.

Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Lulju 2021.

Ritratti: MEI, MFED, MTCP, DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com