L-Ombudusman Jerġa’ Jikkonferma Abbużi Mill-Gvern – Il-PN
“Il-kultura tax-xejn m’hu xejn fil-qasam ambjentali f’pajjiżna trid tispiċċa”, hekk saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar fi stqarrija li ħareġ.
Huwa qal li il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinnota li għal darb’oħra, l-Awtorita tal-Ippjanar u Infrastructure Malta reġgħu kisru l-ligijiet ta’ pajjiżna kif joħroġ ċar fir-rapport konklussiv dwar investigazzjoni li għamel l-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-mod ta’ kif saru x-xogħlijiet u l-proċedura li ntużat sabiex inbena l-pont li sar fil-Marsa.
Din l-investigazzjoni kienet waħda minn 9 każijiet li l-Oppożizzjoni talbet lill-Ombudsman sabiex jinvestiga u fejn fihom kien hemm abbużi ripetuti minn entitajiet tal-Gvern u Ministeri bi ksur tal-liġijiet ambjentali. Apparti dan il-każ spikkaw fost l-oħrajn każijiet oħra bħal dawk ta’ Kemmuna, Victoria Lines fil-Mosta, Central Link u l-bini ta’ toroq f’Ħad Dingli, saħaq Cutajar
Kompla jgħid li fl-aħħar każ li kkonkluda l-Kummissarju tal-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman jirriżulta li l-applikazzjoni għax-xogħol li sar fuq il-pont tal-Marsa ġiet deċiża esklussivament miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, u dan minflok ma’ kien il-Bord fi ħdan l-istess Awtorità li jiddeċiedi dwar din l-istess applikazzjoni.
Robert Cutajar qal li l-Ministru Farrugia għandu l-obbligu li jara li fl-interess nazzjonali, dawn l-abbużi jitwaqqfu, għaliex is-skiet tiegħu ifisser biss li hu kompliċi f’dan kollu.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista terġa tisħaq li wara l-konklużjonijiet fl-investigazzjonijiet mwettqa mill-Ombudsman il-pożizzjoni taċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar m’għadhiex waħda tenibbli u qed terġa titlob ir-riżenja tiegħu b’mod immedjat. Il-kultura tax-xejn m’hu xejn trid titwaqqaf u għalhekk l-awtoritajiet tal-Gvern għandhom jagħtu l-eżempju fil-ħarsien tal-ambjent u mhux ikunu kompliċi u parteċipi fil-qerda tiegħu.