L-Oppożizzjoni Se Tikkollabora Bis-Sħiħ Biex Jiġu Mplimentati R-Rakkomandazzjonijiet Tal-Inkjesta Pubblika – Il-Kap Tal-PN
Fid-diskors tiegħu dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru għamel diskors surreali fi żmien surreali. Qal li l-Prim Ministru hu maqtugħ mir-realtà u jixtieq inessina lill-poplu dak li għadda minnu billi jgħidilna fost oħrajn li hu ġdid meta ilu snin jiddefendi l-ħażin magħruf.
Bernard Grech qal li l-istat u l-Gvern huma responsabbli għax minflok għamlu xogħolhom dwar stejjer u korruzjoni li kienet qed tikxef Daphna Caruana Galizia għażlu li jiddemonizzawha, jiżolawha, iħarsu n-naħa l-oħra u jipproteġu lill-kriminali sa mal-kriminali ħadu kontroll sħiħ tal-istituzzjonijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-inkjesta tgħid mod ċar li l-assassinju ta’ Caruana Galizia kien responsabbiltà kollettiva tal-kabinett Laburista. Kien l-istat li mexxa Gvern Laburista li hu ħati talli nħolqot il-klima ta’ impunità.
Dr. Grech sostna li l-Prim Ministru għadu jibża’ jsib il-kuraġġ li ma jiddefendix lil Joseph Muscat.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li l-inkjesta hija rebħa għal kawża ta’ Daphna Caruana Galizia però huwa biss il-bidu biex nippruvaw nibdew insewwu l-ġerħa, li qal kibret u qed tipperikola l-għeruq tal-pajjiż minħabba l-gvern ħalliha tikber sal-punt li tagħmel ħafna ħsara.
Dr Grech qal li din r-rebħa ġiet grazzi għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Bernard Grech talab biex jitwaqqaf kumitat parlamentari biex jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport biex ikun żgurat li jitwettqu mill-aktar fis. Qal li l-Oppożizzjoni se tikkollabora bis-sħiħ u li sas-16 ta’ Ottubru l-maġġor parti tar-rakkomandazzjonijiet fl-inkjesta pubblika għandhom ikunu fis-seħħ.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkonkluda d-diskors tiegħu billi appella lill-Prim Ministru biex jiċħad lil Joseph Muscat.