Madwar 90 Parkeġġ Ġdid Bħala Parti Mill-Proġett Ta’ Għeriexem

 Madwar 90 Parkeġġ Ġdid Bħala Parti Mill-Proġett Ta’ Għeriexem

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-lokalità tar-Rabat fejn ħabbar li l-proġett ta’ Għeriexem, li issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu, se jkun qed joffri madwar 90 parkeġġ ġdid.

Qal li dan il-proġett ta’ €4 miljun kien bżonnjuż ħafna għar-residenti Rabtin, b’mod speċjali għas-sigurtà tal-familji li jabitaw f’din it-triq li kienet tħalliet fi stat perikoluż ħafna.

“Issa li dħalna fl-aħħar fażi ta’ dan il-proġett rajna wkoll li nagħtu lir-Rabtin madwar 90 parkeġġ ġdid u se nkunu qed naraw ukoll li jkun hemm charging points għall-karozzi elettriċi għaliex verament nemmnu fi trasport aktar nadif u sostenibbli. Tajjeb li nfakkru li dan se jkun proġett li se jagħti wkoll dehra mill-isbaħ, hekk kif se jkun qed jagħti belvedere mill-isbaħ, b’sistema ġdida ta’ solar footpath li tagħti madwar 40% tad-dawl ta’ dan il-proġett u numru ta’ siġar u arbuxelli ġodda”, qal il-Ministru Ian Borg.

L-aġenzija Infrastructure Malta qiegħdet aktar minn 370 pilastru ta’ konkos u azzar (pile), ta’ bejn tlieta jew ħames sulari sabiex tikkonsolida din it-triq u twaqqaf il-ħsara li tinqala’ fl-istruttura tagħha u fil-bini fil-qrib. Fil-jiem li għaddew beda jingħata l-asfalt sabiex dan il-proġett ikun pass eqreb lejn il-konklużjoni tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com