Marsalforn B’Waterfront Ġdid – Proġett B’Investiment Ta’ €3 Miljun
Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, inawgura l-proġett tal-waterfront ta’ Marsalforn b’investiment ta’ €3 miljun li jifforma parti mill-masterplan ta’ din il-bajja ffrekkwentata u mfittxija mill-Għawdxin, Maltin, u t-turisti, dan wara li f’Novembru kienet inawgurata l-parti tal-Menqa ta’ Marsalforn.
Il-Prim Ministru fisser dan il-proġett bħala wieħed li jaħseb biex partijiet sostanzjali minn din iż-żona tingħata lin-nies bil-għan li jgawduha għal ħafna mill-ħinijiet tal-ġurnata. Tenna li f’Għawdex jeħtieġ li jibqa’ jinħoloq ix-xogħol u tissaħaħ l-ekonomija.
“Pajjiż jibqa’ jikber jekk jinvesti f’niesu. Sodisfatt li f’Għawdex illum għandna l-anqas numru ta’ nies jirreġistraw fl-istorja. Ħmistax fil-mija (15%) anqas milli kellna qabel bdiet il-pandemija. Irridu nibqgħu ninvestu fl-aċċessibbiltà u l-infrastruttura biex dawn in-negozji li hawn madwarna jibqgħu jaqilgħu l-għajxien għal familja tagħhom u l-familji tal-ħaddiema tagħhom,” stqarr il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-futur ta’ Għawdex u dwar l-impenn tal-Gvern biex l-isfidi f’din il-gżira jinbidlu f’opportunitajiet biex Għawdex jibqa’ miexi ’l quddiem.
“Inħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa fil-konsultazzjoni fuq l-istrateġija għal Għawdex. Dokument magħmul għal Għawdex f’Għawdex stess. Proċess fejn verament l-ideat jitwieldu mill-komunità. Mudell li nemmen li għandu jkun il-bażi ta’ kif jaħdem Gvern.”
Dr Abela kkonkluda li l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hija waħda li trid gżira li tispikka għal dak li tista’ toffri hi biss. Għawdex li jżewweġ l-ambjent u l-ekonomija u li jkun mudell ta’ kif se nibnu prosperità ġdida.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li “konna wegħedna li tul ix-xitwa naħdmu bla heda sabiex jinbena mill-ġdid dan ix-Xatt u jitgawda propju dan is-Sajf. Wettaqna dak li wegħedna. Dan il-proġett mhux biss se jgħolli l-livell ta’ turiżmu f’Għawdex imma anke jkompli jpoġġi din il-gżira ċkejkna fuq il-mappa turistika ta’ bosta li se jagħżlu lil Għawdex u Malta bħala d-destinazzjoni tagħhom.”
Il-Ministru esprima li minkejja li tinstema’ bidla żgħira, l-iktar bidla diffiċli kienet dik li ż-żona ssir kollha pedonali. Spjega kif minn dan l-investiment kollu din kienet l-aktar bidla importanti, miżura li hija wkoll konformi mal-politika tal-Gvern li tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport aktar favur l-ambjent u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu, b’aċċess verament limitat għal każijiet bħal trasport pubbliku u għas-slipways jew ħinijiet limitat u speċifiċi għas-servizzi biex b’hekk ix-xatt jista’ jitgawda b’mod sigur.
Fakkar kif dan il-Gvern ukoll preżentament u għall-ewwel darba applika mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinbena mill-gdid il-breakwater ta’ din il-bajja.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dan il-Gvern li jaħdem għan-nies ma żammx lura iżda ta lill-poplu Għawdxi u Malti proġett, li filwaqt li tejjeb u saħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, se jagħti żjara ferm aktar pjaċevoli fiż-żona pittoreska ta’ Marsalforn.
Mill-aspett infrastrutturali, il-waterfront ta’ Marsalforn ra bidla mill-qiegħ u tisbiħ estensiv biex ikun jista’ jitgawda minn dawk kollha li jmorru hemmhekk. Meta kienet tagħmel ix-xita jew ikun riħ qawwi kien jitla’ l-ilma mill-baħar u jikkawża ħsarat, għalhekk il-proġett solva din il-problema permezz storm water culverts ġodda.
Saret ukoll sistema ta’ service culverts u anke tbiddlu servizzi relatati mal-ilma u d-drenaġġ. Sar urban planning madwar x-xatt kollu u ż-żoni tal-madwar kif kif ukoll tisbiħ permezz ta’ pavimentar fit-toroq prinċipali kollha: ta’ Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo.
Reġa’ nbena l-moll li hemm fil-Menqa li kien ddeterjorat sabiex jingħata servizz aħjar lis-sajjieda ta’ dawn l-akwati. Ġiet installata sistema ta’ dwal li permezz tagħha dan il-post jista’ jitgawda wkoll filgħaxijiet. Dan il-masterplan inkluda wkoll l-installazzjoni ta’ street furniture biex iż-żona tingħata dehra kontemporanja.