Organizzazzjonijiet Taż-Żgħażagħ Jibbenefikaw Minn Għotjiet Li Jammontaw Għal €60,000
37 organizzazzjoni taż-żgħażagħ ibbenefikaw minn għotjiet ta’ Aġenzija Żgħażagħ fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja li jammontaw għal €60,000. Dan wara li l-organizzazzjonijiet ikkwalifikaw għal żewġ skemi li ħarġet Aġenzija Żgħazagħ u li kellhom l-għan li jgħinu lill-organizzazzjonijiet f’ħidmiethom b’risq żgħażagħ oħrajn. Iż-żewġ skemi kienu dik imsejħa A4U (Assistance For You) u Be Active, li permezz tagħhom l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ qegħdin ikunu mgħejuna finanzjarjament biex jikbru u jkomplu jiżviluppaw is-servizzi tagħhom.
Mill-iskema A4U bbenefikaw 27 organizzazzjoni minn għotja ta’ €1,500. Mill-iskema Be Active bbenefikaw 10 organizzazzjonijiet minn somma allokata għal kull inizjattiva li kienet tammonta sa massimu ta’ €2,000.
F’diskors li għamlet fl-okkażjoni tat-tqassim ta’ ċertifikati lill-organizzazzjonijiet benefiċċjarji l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet, “Kemm hu ta’ sodisfazzjon li tattendi u tipparteċipa f’okkażjoni bħal din tal-lum li biha qegħdin nirrikonoxxu kontribut mill-aktar siewi li diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ qegħdin jagħmlu b’risq żgħażagħ oħrajn bħalhom fil-komunità, u eventwalment b’risq il-komunità kollha. Kontribut li ma jaħsibx biss fil-lum iżda anke jaħseb f’għada.”
L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li bbenefikaw miż-żewġ skemi jkopru oqsma diversi bħalma huma, fost oħrajn, iż-Żgħażagħ Salesjani, l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts tar-Rabat u Ħad-Dingli, l-organizzazzjoni ACT, u l-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome.
“Ħidmet l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jinkwadraw f’żewġ prinċipji kardinali, l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ tagħna”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal li inizjattivi bħal dawn iwasslu għall-proġetti innovativi miż-żgħażagħ u b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv u innovattiv fis-soċjetà Maltija.
Is-segretarju parlamentari saħaq li dawn l-iskemi qegħdin ukoll ikabbru l-bini tal-kapaċità tal-għaqdiet u b’hekk qed isaħħu s-soċjetà ċivili. Fl-aħħar nett huwa tenna li dan il-gvern huwa kommess li jkompli jagħti l-appoġġ għal dawn l-inizjattivi hekk kif iservu ta’ pjattaforma għal aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma saħqet li l-aġenzija ilha tagħti appoġġ lil organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u każini tal-baned għal dawn l-aħħar għaxar snin sabiex jibnu l-kapaċità tal-għaqda u jtejbu l-proġetti tagħhom. Fil-fatt, illum barra li qed jiġu rikonoxxuti l-proġetti li qed isiru din is-sena, qed tiġi ppreżentata lill-ministru u lis-segretarju parlamentari pubblikazzjoni li tiċċelebra prattiċi tajbin minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li l-Aġenzija Żagħżagħ assistiet matul l-aħħar għaxar snin. Ix-xogħol ta’ dawn l-għaqdiet huwa importanti ferm għas-settur taż-żgħażagħ f’Malta.
Ritratt: DOI / Pierre Sammut