Pump House Ġdida Fil-Malta Film Studios
Hekk kif ftit xhur ilhu ġie mħabbar Masterplan ta’ €35 miljun għall-Malta Film Studios, ilbieraħ saret l-inawgurazzjoni ta’ Pump House ġdida, infrastruttura kruċjali li tintuża fl-użu tat-tankijiet tal-ilma.
Din l-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, fejn xegħelu il-Pump House il-ġdida, b’mod uffiċjali sabiex tibda titħaddem għat-tankijiet tal-ilma fil-Malta Film Studios.
Matul din l-inawgurazzjoni ġie mfakkar ġnien għal Narcy Calamatta, għall-kontribut sostanzjali li ta’ lill-industrija tal-films f’Malta matul is-snin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka kif l-industrija tal-films trid tkun monument ħaj ta’ aktar suċċessi li rridu niksbu lkoll flimkien. “F’din l-istorja tal-films li ilha tinkiteb aktar minn 100 sena, dan il-Gvern qiegħed ikun kontributur importanti biex Malta jkollha industrija tal-films ta’ fama mondjali,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Ministru żied jgħid li dan l-investiment huwa biss il-bidu ta’ ħafna iżjed proġetti, inizjattivi u inċentivi biex l-industrija tal-films tkompli tikber u tissaħħaħ.
Il-Kummissarju għall-Films, Johann Grech, qal li tul dawn l-4 snin ta’ tmexxija tiegħu, beda proċess ta’ tiġdid fil-prodott li Malta toffri lill-industrija tal-films globalment. B’ Masterplan ta’ €35 Miljun għall-Malta Film Studios u b’viżjoni li tkompli ssaħħaħ din l-industrija f’ Malta, qed tinkiteb storja ta’ suċċess, fejn ix-xogħol ta’ kull min irid jaħdem f’din l-industrija ikun wieħed garantit. Johann Grech żied jgħid li dan seta’ jsir għax il-Kummissjoni tal-films ma’ beżgħetx tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji, anke fi’ żminijiet ta’sfidi, sabiex din l-industrija tkompli mixja l-quddiem.
“Kburin bl-ewwel mitt sena ta’ storja, iżda llum qed nibnu l-bażi tal-mitt sena li ġejjin. Ma’ aħniex qed inmexxu għal-lum, qed inmexxu għal għada. Għal ġejjieni. Biex uliedna imexxu ‘A World Class Film Industry’ f’Malta” għalaq il-Kummissarju tal-Films.
Waqt dan l-avveniment, ittellgħet ukoll serata fejn fiha ipparteċipaw numru ta’ artisti mal-Palace String Orchestra, fosthom Gaia, AIDAN, Jasmine, Keith, Amber u Ozzy Lino, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Ryan Paul Abela.