Qatt Ħsibt Li L-Vittma Li Jmiss Tad-Droga Jista’ Jkun Ibnek, Bintek, Ħuk Jew Familjari Oħra?

 Qatt Ħsibt Li L-Vittma Li Jmiss Tad-Droga Jista’ Jkun Ibnek, Bintek, Ħuk Jew Familjari Oħra?

Fis-26 ta Ġunju jkun imfakkar il-Jum Dinji kontra d-Drogi u t-Traffikar Illeċitu. Din il-ġurnata ġiet stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti, bid-direttur tal-UN Office for Drugs and Crime (UNODC) li joħroġ messaġġ kull sena sabiex jiġġieled kontra l-abbuż ta sustanzi u t-traffikar illeċitu. Il-motto għal din is-sena huwa “Share Facts on Drugs, Save Lives”.

L-OASI, li joffru servizzi fl-abbuż u d-dipendenza tad-droga, ta kuljum jaraw nies li jitilfu ħajjithom. Ħafna drabi, dan jseħħ bil-mod, u miegħu jġib ħafna uġigħ kemm lill dawk li jużaw is-sustanzi u kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom. Hemm ukoll ċirkostanzi fejn il-ħajjiet jintilfu b’mod immedjat permezz ta’ inċidenti fatali, l-aktar konnessi ma inċidenti tat- traffiku, overdoses u suwiċidji.

Is-suwiċidju, li huma l-aktar siekta devastanti, jidhru li qed jiżdiedu, anke minħabba l-istil ta’ ħajja stressanti li qed ngħixu, it-tipi ta’ drogi użati, il-qawwa tagħhom u anke n-nuqqas ta’ sapport, anke jekk għandna nkunu aktar konnessi ma dawn il-persuni.

Il-Fondazzjoni OASI ilha tiffunzjona għal dawn l-aħħar 30 sena (mis-26 ta Ġunju 1991). Il-messaġġ u l-azzjonijiet tagħna kienu kostanti u konsistenti – l-użu tas-sustanzi jwasslu għal aspetti negattivi u dawk li jesperjenzaw problemi relatati mad-droga għandhom bżonn li jingħataw l-għajnuna u mhux li jispiċċaw il-ħabs. L-użu tal-forza qatt ma ħadem fejn jidħlu l-użu tas-sustanzi. L-aġenti esterni jistgħu faċilment jikkontrollaw il-ġisem, iżda l-moħħ huwa impossibbli li tikkontrollah sakemm l-individwu ma jirnexxilux jħossu sigur biżżejjed biex hemmhekk jkun jista’ jankra lilu nnifsu. Għalkemm tista’ fiżikament iżżomm lil xi ħadd lura mill-użu tad-droga, naturalment taħt kontroll u miżuri ta’ sorveljanza, eventwalment ladarba il-ġisem jinħeles, dak li jkun jerġa lura għad-droga tal-għażla tiegħu/tagħha.

L-użu problematiku tas-sustanzi m’hiex kwistjoni ta’ volontà. Il-moħħ jisfa maħtuf mid-droga u l-individwu jispiċċa bi ftit kontroll fuq l-imġieba tiegħu jew tagħha, sakemm jerġgħu jixorbu jew jieħdu, li dan ġeneralment iwassal għal rimors, ħtija u mistħija. Fl-2015, il-gvern beda l-Att dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija)(Kap. 537). Dan kien pass kbir ‘il quddiem fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi, għaliex jidderieġi lill dawk bi problemi tad-droga l’ bogħod mill-ħabs.

Din il-liġi tindirizza biss każijiet ta’ pussess ta’ droga. Ma tindirizzax però dawk il-każijiet li jikkommettu żbalji minħabba l-problema tad-droga tagħhom. Permezz tal-professjoni tagħna, iltqajna ma’persuni li wettqu serq, frodi, biegħu ġisimhom jew drogi, fost affarijiet oħra, dan kollu sabiex isostnu id-dipendenza tagħhom.

L-OASI sostniet li għalhekk, Kapitlu 537, l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga, ma jsolvix il-problema. “Għandna bżonn, mhux biss li nħeġġu lil dawk li jagħmlu użu mis-sustanzi li jfittxu t-terapija u trattament, iżda anke li jżommu l-attenzjoni tagħhom fuq dan l-istess proċess ta rkupru. Dawn in-nies għandhom bżonn għajnuna li tiddependi fuq il-bżonnijiet individwali tagħhom, aktar milli nużaw regoli stretti”, tenniet il-Fondazzjoni.

Id-dipendenza hija kontinġenti fuq numru kbir ta’ fatturi u allura t-trattament jeħtieġ paċenzja u impenn minn dawk kollha involuti fil-proċess ta’ rkupru. Dawk li jkollhom suċċess fl-irkupru tagħhom, ma jkollhomx dan minħabba xi formula maġika, iżda grazzi għall-involviment ma nies professjonali li jħeġġu lil dawk biex jitgħallmu miż- żbalji tagħhom. “M’għandniex nitilfu l-ħin biex nibdew nevalwaw il-proċeduri u l-prattiki attwali tagħna u nħarsu lejn l-effettività tagħhom kontra x-xejriet konkorrenti tad-droga, qabel ma tintilef ħajja oħra.”

Kemm setgħu ġew salvati!

M’għandiex ħin x’naħlu. Ġieli ħsibt fuq il-probabilta li l-vittma li jmiss jista’ faċilment jkun it-tifel jew it-tifla tiegħek, ir-raġel jew il-mara tiegħek, ħuk jew oħtok?!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com