Qatt Saqsejt Fejn Imur L-Ikel Li Nieklu?

 Qatt Saqsejt Fejn Imur L-Ikel Li Nieklu?

Qatt saqsejt kif jaħdem il-ġisem u l-proċess ta’ l-ikel f’ġisimna? Fejn imur l-ikel li nieklu?

Tkellimna ma Des Cini li huwa Education Programme & Content Developer ġewwa Esplora Interactive Science Centre u spjegalna dan il-proċess kollu b’mod sempliċi.

Il-ġisem tal-bniedem jaħdem kontinwament. Hemm proċessi importantissimi li ma jistgħux jieqfu inkella jaffetwaw is-saħħa tagħna. Dawn il-proċessi huma vitali. Pereżempju, qatt ħsibt fejn imur l-ikel li nieklu? L-ikel li nieklu jgħaddi minn proċess li nsejjħulu diġestjoni. Dan huwa proċess twil ftit mhux ħażin; jibda mil-ħalq, ikompli għall-istonku u jibqa’ għaddej sa ma’ jasal biex joħroġ… fhimtuni! Però hemm iktar stadji minn dawn it-tlieta! Ejja nduruhom ftit fid-dettal.

Il-proċess tad-diġestjoni jibdel l-ikel li nieklu f’forom oħra sabiex il-ġisem jassorbi minnu dawk in-nutrijenti li għandu bżonn biex jaħdem sew. Ovvjament il-proċess jibda minn mindu nieklu, jiġifieri minn x’ħin nieħdu l-ewwel gidma. Filfatt, l-ewwel pass huwa li nużaw is-snien tagħna biex inqattgħu l-ikel f’biċċiet iżgħar. Wara li s-snien iqattgħu l-ikel, dawn ikomplu jomgħodu l-ikel biex ikun aktar artab. Ħalqna jipproduċi l-bżieq minn glandoli speċifiċi u fih insibu enżimi apposta li jkomplu jkissru l-ikel hu u jirtab. Id-dras ikomplu jgħaffġu u jkissru l-ikel f’biċċiet iżgħar. Fl-aħħar (tal-ewwel parti) hemm ilsienna li jħallat kollox f’daqqa u jdawwar l-ikel f’ballun li nsejjħulu bolus. U hekk rajna l-ewwel stadju.

Fit-tieni stadju, aħna nibilgħu l-ikel u dan jimxi għall-pass li jmiss. Meta nibilgħu l-ikel dan jgħaddi mil-pajp tal-ikel li nsejjħulu esofagu. L-esofagu jwassal l-ikel għal-istonku. L-istonku jipproduċi tip ta’ aċidu biex ikompli jkisser l-ikel. Però mhux hekk biss, il-muskoli fl-istonku jgħinu biex iħawwdu u jkomplu jgħaffġu l-ikel. L-ikel issa lest biex jimxi minn ġol-istonku għall-istadju li jmiss, il-musrana ż-żgħira. Meta ngħidu żgħira, il-kelma ġġib hekk, għax fiha madwar 7 metri f’tul. Hemmhekk ċertu likwidi mimlija nutrienti jiġu assorbiti biex jgħaddu għal ġod-demm tal-ġisem. Minn hemm l-ikel jimxi għal-musrana l-kbira, fejn din tkompli tassorbi iktar nutrienti u likwidi għal ġod-demm, u iktar ma jimxi l-ikel, aktar jixxotta u jissolidifika.

Wasalna għal-aħħar stadju. Hawn l-ikel jimxi għal ġor-rektum fejn hemmhekk jipprepara dak li jkun fadal mil-ikel sakemm aħna jiġina l-bżonn li mmorru t-tojlit.

L-ikel idum madwar 24 u 72 siegħa biex jiġi proċessat kompletament però jiddependi minn xi tkun kilt u kemm tkun kilt, il-ġeneru tal-persuna, il-metaboliżmu eċċetera. Apparti minn hekk, meta inti tmur it-tojlit, wisq probabbli tkun qed tarmi li jkun fadal minn dak li tkun kilt il-ġurnata ta’ qabel.

Jekk dan l-artiklu qanqallek kurżità, bejn ix-xhur ta’ Lulju u Settembru, Esplora ser ikun qed jiċċelebra it-tema Insiru Nafu l-Ġisem Tagħna. F’dawn it-tlett xhur, wieħed ser ikun jista’ jesplora aktar dwar ix-xjenza relatata mas-saħħa u kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Esplora ser jiffoka wkoll fuq ix-xjenza fl-isport u kunċetti bħal x’muskoli inħaddmu meta nipprattikaw sport differenti, kif jaħdem il-moħħ meta nikkonċentraw fuq il-mira, x’inhi herd immunity, fejn imur l-ikel li nieklu, u ħafna kunċetti oħra f’forom ta’ attivitajiet interessanti mmens.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor