Raġel Iweġġa’ F’Argument F’San Pawl il-Baħar

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-2:20pm il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li kien qam argument bejn żewġt irġiel, Malti ta’ 59 sena u Serbjan ta’ 39 sena, it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar.
Waqt dan l-argument ir-raġel ta’ 59 sena sofra xi ġrieħi, mar għall-kura ġewwa Ċentru tas-Saħħa u ġie ċċertifikat li kellu ġrieħi gravi.
Is-Serb ġie arrestat u qed jinżamm fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra għadhom għaddejjin.